Qorti
Vince Muscat bi protest fil-Qorti biex jingħata l-maħfra u jiżvela dak li jaf

Vince Muscat, wieħed mill-akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ressaq protest ġudizzjarju biex jingħata l-maħfra, u tenna li għandu informazzjoni x’jiżvela dwar il-qtil.

Is-Sur Muscat, li flimkien ma’ George Degiorgio u Alfred Degiorgio huwa akkużat li sploda l-bomba mal-karozza tas-Sinjura Caruana Galizia, qal li għandu ismijiet ġodda marbuta mal-każ, u qal ukoll li lest jiżvela informazzjoni dwar delitti oħra li seħħew fl-aħħar snin u li ma ssolvewx.

Permezz tal-avukat tiegħu Dr Marc Sant, is-Sur Muscat qal li talab formalment maħfra presidenzjali fit-30 ta’ Novembru 2019 u ma rċieva l-ebda risposta.

Qal li imbagħad bagħat ittra oħra ta’ kjarifika fis-17 ta’ Diċembru 2019, li dwarha rċieva tweġiba mis-segretarja tal-President li t-talba tiegħu kienet intbagħtet lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jipprovdi parir. Qal li minn dak iż-żmien ma sema’ xejn iżjed.

Żied li fix-xahar ta’ wara ġie msejjaħ fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija fejn saru diversi laqgħat mal-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, u fejn ġew irrekordjati dettalji dwar reati varji, inkluż il-qtil Caruana Galizia.

Fil-protest is-Sur Muscat qal li l-Ispetturi qalulu li kellhom jagħmlu laqgħa tal-aħħar, iżda din il-laqgħa baqgħet ma saritx.

Qal li fit-22 ta’ Ġunju li għadda reġgħet intbagħtet tfakkira lill-President ta’ Malta, u għal darb’ oħra ngħatat it-tweġiba li t-talba se tgħaddi għand il-Ministu tal-Ġustizzja għal parir.

Is-Sur Muscat sostna li kien għamel il-parti tiegħu u ta lill-Pulizija dak li jaf, u allega li dawn qed jinżammu milli jagħmlu xogħlhom għax hemm indħil minn terzi. Qal li anki l-mod differenti li bih ġie trattat Melvin Theuma jqajjem dubji serji.