
Vince Muscat, li huwa fost tlieta akkużati li qatlu lil Daphne Caruana Galizia b’karozza bomba, kien ikkundannat 15-il sena ħabs wara li iktar kmieni llum ammetta għas-sehem tiegħu fil-qtil.
Il-ġimgħa li għaddiet Muscat, magħruf ukoll bħala l-Koħħu, irtira l-appell minn sentenza tal-Qorti li ma kinitx laqgħet l-aggravji tiegħu fuq il-proċeduri ġudizzjarji kontrih.
L-ammissjoni mhux mistennija tal-lum saret waqt is-smigħ tal-kawża kontra Muscat u l-aħwa Alfred u George Degiorgio kmieni waranofsinhar, bl-Avukat Ġenerali jitlob li minn issa ‘l quddiem il-każ ta’ Muscat jibda jiġi trattat separatament minn taż-żewġ akkużati l-oħra.
Fil-ħin li ngħatat is-sentenza llum waranofsinhar, il-familja Caruana Galizia daħlet lura f’awla 22 flimkien mal-midja u l-bqija tal-prosekuzzjoni. Muscat tpoġġa lura fl-iżbarra, fejn kien hemm preżenza qawwija ta’ sigurtà.
Minbarra 15-il sena ħabs effettivi, il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, immultat lil Muscat ukoll €42,930.
Is-sentenza hija waħda ridotta fid-dawl li l-Koħħu mistenni jixhed dwar dak li jaf, b’tagħrif li mistenni jgħin lil Pulizija f’investigazzjonijeit oħra ta’ reati kriminali maġġuri li seħħew f’Malta fi snin li għaddew, ewlenin fosthom il-qtil tal-avukat Carmel Chircop li dwar dan il-każ il-Kabinett irrakkomanda lill-President biex jagħtih il-maħfra presidenzjali.
Intant, fi żvilupp ieħor, il-Pulizija arrestat tliet irġiel suspettati li fornew il-bomba lil Muscat u lill-aħwa Degiorgo.
Ara wkoll:
Arrestati tliet irġiel suspettati li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia
AĠĠORNAT: Vince Muscat se jingħata l-maħfra għall-qtil tal-Avukat Carmel Chircop
Vince Muscat jindika li se jirtira l-appell minn sentenza tal-Qorti Kriminali