Lokali
Virtu Ferries tħabbar il-prezzijiet tal-fast ferry lejn Għawdex

Il-kumpanija Virtu Ferries, waħda miż-żewġ operaturi tal-baħar li se tibda topera s-servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex mill-ewwel ta’ Ġunju li ġej ħabbret il-prezzijiet tal-vjaġġi tagħha.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li l-vjaġġ bir-ritorn għall-kbar se tkun ta’ €12 waqt li t-tfal se jħallsu €6 għal kull vjaġġ bir-ritorn. Il-vjaġġ bit-tal-linja card se jkun €11 għall-kbar u €5.50 għat-tfal.

Il-prezzijiet għar-residenti Għawdxin se jkunu ta’ €5 għall-kbar u €3 għat-tfal. L-Għawdxin li għandhom it-talinja card se jħallsu €4.60 għall-kbar u €2.70 għat-tfal.

Il-kumpanija qalet li se topera dawn il-vjaġġi b’żewġ katamarani, San Franġisk u San Pawl mill-Port il-Kbir sal-Port tal-Imġarr f’Għawdex. Qalet li l-vapuri għandhom veloċità ta’ 65 kilometru s-siegħa u l-vjaġġ mhux mistenni jieħu aktar minn tliet kwarti.