Lokali
Vjaġġ fuq tal-linja b’xejn għall-istudenti Għawdxin li jużaw il-fast ferry

Mill-bidu tas-sena akkademika l-ġdida, l-istudenti Għawdxin li se jkunu qegħdin jużaw is-servizz tal-Fast Ferry biex jaslu Malta ser ikunu jistgħu jużaw ir-rotta tal-linja bin-numru 300 mingħajr ħlas. Din se tkun qiegħda tgħaqqad iż-żona tal-Port il-Kbir mal-Isptar Mater Dei u mal-istituzzjonijiet edukattivi li jinsabu fil-madwar.

Barra minn hekk Transport Malta ser tkun qiegħda tintroduċi app ġdida li tgħin lis-sewwieq jippjanaw aħjar ir-rotta tagħhom filwaqt li se toffri servizz ta’ rmunkar b’xejn filgħodu u anki waranofsinhar.

Ftit ġimgħat qabel ma’ eluf ta’ studenti – kbar u żgħar – jirritornaw fl-iskejjel, tħabbru diversi miżuri li ser tkun qiegħda tieħu Transport Malta biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ix-xkiel għall-vetturi fit-toroq.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li fost l-oħrajn Transport Malta se tkun qiegħda toffri servizz ta’ rmunkar b’xejn mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-6.00 a.m. u d-9.30 ta’ filgħodu u mit-3.30 p.m. sas-6.30 ta’ waranofsinhar.

Il-Ministru Borg qal li barra minn dan kompla l-investiment fl-uffiċjali ta’ Transport Malta.

“L-uffiċjali qegħdin naraw li jkunu attrezzati b’dak li għandhom bżonn, u qed nużaw ukoll it-teknoloġija. Qed titnieda app ġdida illi tista’ lil min ser jippjana l-vjaġġ tiegħu u r-rotot ġodod li ser nintroduċu għall-Għawdxin… qed inħeġġuhom jużaw il-fast ferry ħalli jaqtgħu ħafna mill-vjaġġ fuq it-triq”, qal il-Ministru Borg.

L-istudenti Għawdxin li ser ikunu qegħdin jużaw is-servizz tal-Fast Ferry biex jaslu Malta ser ikunu jistgħu jużaw ir-rotta tal-linja bin-numru 300 mingħajr ħlas. Din se tkun qiegħda tgħaqqad iż-żona tal-Port il-Kbir mal-Università u l-Isptar Mater Dei, il-Junior College u l-MCAST f’Raħal il-Ġdid.

Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja qal li biex ittejjeb l-infurzar fit-toroq, se jiżdiedu 4 muturi mal-flotta tagħha, b’investiment li jaqbeż il-€100,000. Permezz ta’ din iż-żieda għall-ewwel darba f’Għawdex, Transport Malta ser ikollha mutur tal-infurzar preżenti fit-toroq Għawdxin. Is-Sur Bugeja żied jgħid li x-xogħol ta’ Transport Malta fit-toroq Maltin qiegħed isir b’kolloborazzjoni ma’ entitajiet oħra.

“Is-sezzjoni tal-infurzar tagħna qegħdin kontinwament ninvestu fiha, rajna kemm qed tagħmel xogħol tajjeb, ilbieraħ rajna li kellna l-ewwel laqgħat mal-Pulizija, il-LESA u l-edukazzjoni u aħna minn ħafna qabel nkunu diġà qegħdin nippjanaw fejn ser ikunu l-muturi, fejn ser ikunu n-nies biex nasiguraw li t-traffiku jkun mexxej u sigur fit-triq”, qal iċ-Chairman Eżekuttiv.

Is-Sur Bugeja żied jgħid li kompla għaddej l-investiment fiċ-ċentru tal-kontroll ta’ Transport Malta biex l-Awtorità tkun tista’ tieħu l-miżuri meħtieġa biex jitnaqqas l-inkonvenjent fit-toroq madwar Malta u Għawdex.