Lokali
Voluntiera jagħtu daqqa t’id fl-għoti tat-tilqim kontra l-COVID-19

Għadd ta’ voluntiera fi ħdan is-St John Ambulance qegħdin jagħtu daqqa t’id tajba biex jgħinu kemm jistgħu fil-programm nazzjonali tal-għoti tal-vaċċin kontra COVID-19.

Il-voluntiera ta’ St John Malta laqgħu l-opportunità sabiex jgħinu lid-Dipartiment tas-Saħħa fl-għoti tal-vaċċin kontra l-virus tal-COVID-19.

Dan sar wara li ngħata t-taħriġ u saru l-eżamijiet meħtieġa mit-Taqsima tal-Kontroll tal-Infezzjonijiet tal-isptar Mater Dei.

Il-proċess jinvolvi protokolli stretti sabiex ikun ċert li l-vaċċin jingħata lill-pubbliku b’mod effettiv.

Dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-Malta Health Network u SOS Malta wara li t-tliet għaqdiet ħadmu wkoll flimkien waqt l-eżerċizzju importanti tal-contact tracing.

Minbarra l-għoti tal-vaċċin, il-voluntiera ta’ St John Ambulance assistew ukoll fl-organizzazzjoni tal-pubbliku waqt li jkun qed jistenna fil-kju, ir-reġistrazzjoni tal-membri tal-pubbliku, il-preparazzjonijiet meħtieġa qabel ma jingħata l-vaċċin, kif ukoll il-ħsieb jew il-kura li jkun hemm bżonn sa kwarta wara li jkun ingħata l-vaċċin.

St John Ambulance ħeġġet lill-pubbliku sabiex josserva d-direttivi tal-Awtorità tas-Saħħa kif ukoll jattendi għall-appuntament tal-vaċċin hekk kif jingħatalhom.

B’dan il-mod qalu li nkunu qed nieħdu ħsieb tas-saħħa ta’ xulxin, inkluż dawk li huma tant għeżież għalina.