Lokali
Von der Leyen f’Malta: se tibda tagħti l-fondi tal-UE għall-irkupru mill-Covid

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von der Leyen se tkun Malta l-Ħamis biex tibda tagħti l-ewwel pagament lil pajjiżna minn €345 miljun allokati mill-Unjoni Ewropea. Dan bħala parti mill-pjan ta’ rkupru u reżiljenza approvat mill-Kummissjoni Ewropea stess biex pajjiżna jirkupra mill-effetti ekonomiċi li ħalliet fuqna l-pandemija.

tvm.com.mt huwa informat Von der Leyen se tkun qed tippreżenta uffiċjalment l-ewwel minn sensiela ta’ pagamenti lill-Prim Ministru Robert Abela. F’dawn il-jiem il-President tal-Kummissjoni qed iżżur lill-mexxejja Ewropej biex tgħaddilhom personalment il-flus li se jiġu investiti fi proġetti u inizjattivi varji.

Kif kien tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu mis-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, Malta se tuża dawn il-fondi għat-twettiq ta’ 17-il proġett u inizjattivi. Malta hija kommessa li 49% tal-fondi jindirizzaw l-ambjent bi proġetti marbuta mat-tibdil fil-klima, 26% mat-tranżizzjoni diġitali u riformi marbuta mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li saru mill-Kummissjoni Ewropea stess għas-snin 2019 u 2020.