Unjoni Ewropea
Vot qawwi favur rapport fuq is-servizzi diġitali tal-MPE Agius Saliba

Il-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza kbira ta’ 83% favur ir-Rapport dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali tal-MPE Laburista Alex Agius Saliba.

Fi stqarrija maħruġa minn Dr Alex Agius Saliba ntqal li r-rapport iħaddan il-prinċipju li dak li huwa illegali offline huwa wkoll illegali onlajn, u jappella għal regoli li huma validi għall-futur dwar is-servizzi diġitali, inklużi pjattaformi u swieq onlajn, u għal mekkaniżmu li jorbot biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali onlajn.

“M’għandux ikun hemm aktar permessi biex pjattaformi onlajn jagħmlu li jridu. L-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi standards globali li jirregolaw pjattaformi bħal Facebook, Amazon, u Google”, jgħid il-MPE Alex Agius Saliba. “Jekk m’intix tħallas għall-prodott, allura inti stess il-prodott. Is-servizzi diġitali għandhom jinbnew fuq il-fiduċja, l-għażla, u livell għoli ta’ protezzjoni, li jintegraw bis-sħiħ it-tħassib tal-utenti, tal-konsumaturi u tal-SMEs.”

Regoli speċifiċi għal pjattaformi kbar, ambitu li jkopri fornituri ta’ servizzi barranin, protezzjoni għolja tal-konsumatur kontra prodotti illegali, foloz, perikolużi u kundizzjonijiet aktar stretti għal reklamar immirat, u aktar kontroll għall-utenti fuq dak li jaraw onlajn huma messaġġi ewlenin fir-rapport tal-MPE Agius Saliba.