Unjoni Ewropea
Vot ta’ fiduċja b’saħħtu favur ir-Rapport dwar l-Istrateġija għall-SMEs li ħadmet fuqu l-MPE Josianne Cutajar

Il-Kumitat Ewropew għall-Industrija, Riċerka u Enerġija, l-ITRE, għadu kemm ivvota favur ir-Rapport għall-Istrateġija Ewropea tan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) b’maġġoranza assoluta ta’ 69 vot favur minn 73 vot.

Dan il-pass kruċjali fuq livell Ewropew ra l-ħidma sfieqa tal-Ewroparlamentari Maltija Dr Josianne Cutajar, li kienet in-negozjatriċi fuq dan ir-rapport f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi, fejn kellha rwol importanti sabiex jidħlu diversi emendi kruċjali u bżonnjużi.

L‐Istrateġija tal‐UE għall‐SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali tappoġġja lill‐SMEs Ewropej billi ssaħħaħ il‐kapaċitajiet tagħhom biex jadattaw għall‐isfidi tal‐hekk imsejħa ‘climate neutrality’, tgħinhom jgawdu l‐benefiċċji tad‐diġitalizzazzjoni, tindirizza l‐burokrazija li jaffaċċjaw l‐SMEs, u ttejjeb l-aċċess tagħhom għall‐finanzi.

Fost it-temi li Dr. Cutajar imbuttat b’suċċess u li saħqet li jkunu fuq dan ir-rapport, hemm dawk marbuta mat-tranżizzjoni ħadra u kif se ngħinu lill-intrapriżi żgħar u medji biex jaħsdu wkoll l-opportunitajiet li jeżistu f’dan il-qasam. Tema oħra hija dik li nżidu l-ammont ta’ gradwati f’suġġetti STEM u li nsaħħu l-ħiliet fil-qasam diġitali, fejn kull ma jmur qed naraw kif kull settur, inkluż dawn in-negozji, qed jiġu dipendenti fuq it-teknoloġija moderna.

Il-MPE Cutajar assigurat ukoll li dan ir-rapport isejjaħ sabiex ikun hemm studju tal-ostakli li qed iżommu lin-nisa lura milli jiftħu l-kumpanija tagħhom jew ikollhom kariga għolja f’negozju, flimkien ma’ enfasi fuq il-ħiliet u t-taħriġ biex nindirizzaw din ir-realta’.

Hawnhekk hija semmiet ukoll l-importanza tal-innovazzjoni f’dan il-qasam, kif ukoll il-flessibilita’ li għandha tkompli tingħata fejn tidħol għajnuna mill-istat lill-intrapriżi żgħar u medji li huma żvantaġġjati minħabba li ġejjin minn reġjuni remoti jew gżejjer żgħar bħal tagħna.

B’reazzjoni għal dan il-vot ta’ suċċess, l-Ewroparlamentari Laburista qalet li “l‐għan inizjali kien li nimmodernizzaw l‐operat tan‐negozji ż‐żgħar, nagħmluh aktar effiċjenti u nadif, inkluż billi nħeġġu proċess ta’ diġitalizzazzjoni. Filwaqt li l‐għanijiet prinċipali nżammu, l‐istrateġija ħadet xejra oħra bl‐imxija tal‐pandemija hekk kif in‐negozji ż‐żgħar ġew bżonn ħafna attenzjoni, assistenza u fiduċja biex ikomplu jagħtu s‐servizzi u jipproteġu x‐xogħol. Tajjeb nifhmu li aktar minn 95% tan‐negozji fl‐Ewropa huma meqjusin bħala SMEs– allura toħroġ ukoll – anki lokalment – l‐importanza li jkunu megħjuna l‐ħafna ħaddiema li jiddependu fuq l‐SMEs.”

Josianne Cutajar temmet billi qalet li “rridu nkomplu naħdmu bis-sħiħ biex nerġgħu nkebbsu l‐fiduċja fl‐SMEs u inkomplu nagħtu l‐għajnuna ħalli jsalvaw kemm in‐negozji kif ukoll il‐ħaddiema tagħhom li minnhom jiddependu wkoll eluf ta’ familji.”