Barranin
“Waħħlu fija li mblukkajt il-Kanal ta’ Suez”

L-ewwel kaptan mara tal-vapuri fl-Eġittu rrakkuntat kif kien hemm min żammha responsabbli tal-inċident li seħħ fil-Kanal Suez wara li ‘fake news’ li bdiet tiċċirkola qalet li kienet hi fit-tmum tal-bastiment.

Fil-ħin li l-“Ever Given” inkalja fl-imsemmi kanal, Marwa Elselehdar kienet fuq il-vapur “Aida IV” f’Lixandra, l-Eġittu stess.

Il-‘fake news’ malajr spiċċat fuq il-media soċjali u poġġa lit-tfajla ta’ 29 sena taħt attenzjoni mhux mixtieqa.

Elselehdar stqarret li din ma kinitx l-ewwel darba li spiċċat fil-mira għax hija mara. Fl-industrija marittima huma biss 2% il-baħħara nisa.

Hija tgħid li waqt l-istudji biex issir kaptan iffaċċjat ħafna problemi għax kienet imdawwra mill-irġiel.

Għalkemm tgħid li iddispjaċiha għax kien hemm min ikkritikaha b’mod inġust dwar il-każ fil-Kanal ta’ Suez, fl-istess ħin Elselehdar qed tħares lejn l-aspett pożittiv u l-fatt li dan l-inċident għamilha popolari.

Ix-xahar id-dieħel hija se tagħmel l-eżami finali biex tilħaq l-ogħla grad ta’ kaptan bit-tfajla Eġizzjana qed tħeġġeġ lin-nisa interessata f’dan is-settur ma jaqtgħux qalbhom minkejja d-diffikultajiet li se jsibu kif sabet hi.