Lokali
“Waqajt bil-‘mobile scooter’ minħabba bankini dojoq”

Anzjana b’diżabilità tixtieq li tkun tista’ tuża l-‘mobile scooter’ tagħha fit-toroq mingħajr ebda problema ta’ aċċessibilità.

Kull meta Helen Gauci tiġi biex toħroġ minn darha fil-Ħamrun tieħu battikata u dan għaliex din ix-xebba ta’ 71 sena tbati biex timxi, għandha problemi fin-nifs u biex toħroġ il-‘mobile scooter’ mid-dar trid tqandel rampa tqila tal-aluminju għax m’għandhiex rampa quddiem id-dar.

Helen qalet lil TVM li l-‘mobile scooter’ huwa ħajjitha għax bih tista’ tibqa’ tgħix indipendenti iżda minħabba diffikultajiet li ġieli ssib qed taqta’ qalbha milli toħroġ.

“Battikata kbira, għandi dik ir-rampa waħedha tqila għalija, s’issa nirranġa però niġi biex intellagħha kelli nerfagħha”.

Helen stqarret li ftit tax-xhur ilu waqgħet bl-iscooter b’kollox għax il-bankini dojoq wisq u għalhekk jkollha timxi bih fit-triq.

Meta mxejna magħha f’xi toroq fil-Ħamrun Helen qalet li ssib diffikulta’ minħabba li l-ħofor fit-toroq u waqt li semmiet kif tibża’ toħroġ għamlet tliet xhur imsakkra ġewwa meta waqgħet.

TVM tkellem mall-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samatha Pace Gasan dwar din is-sitwazzjoni.

Hija qalet li kull sena l-KNPD tanalizza mal-4,000 applikazzjoni ta’ żvilupp bil-għan li dawn ikunu aċċessibbli għal kulħadd.

“Meta jkollna dawn l-ilmenti nkellmu lill-kunsilli, anki fejn is-sitwazzjoni fejn il-bankini jkunu antiki, nitkellmu ma’ ‘stakeholders’ biex nilħqu kompromess u jintlaħqu l-interessi ta’ entitajiet oħra”.

Pace Gasan qalet li l-ikbar ilmenti li tirċievi l-kummissjoni jkunu fuq aċċessibilità u qed tappella biex kull min jagħmel disinn ta’ bini ġdid jew proġetti infrastrutturali jara li jkunu inklussivi u adattati għall-persuni b’diżabilità.