Saħħa
Waqfet tiekol u bdiet tintiżen 15-il darba kuljum – illum fieqet u saret omm

Fi żmien l-adolexxenza u fl-ewwel snin taż-żgħożija, kienet tevita li tieħu ritratti, għax saret tobgħod id-dehra tagħha.

Dorothy Scicluna rrakkontat ma’ TVM kif kienet konxja li hija rqiqa aktar milli suppost, iżda kienet tilfet il-kontroll u kienet tgħix biss biex tonqos mill-piż. Kienet tintiżen mal-ħmistax-il darba kuljum. Illum fieqet mill-annoresija wara l-kura li ħadet f’Dar Kenn għal Saħħtek.

Għal sbatax-il sena l-unika ħsieb ta’ Dorothy kien li tonqos mill-piż. Dorothy, li ilha ħames snin li fieqet mill-anoressija, tirrakkonta li bdiet twarrab l-ikel meta kellha ħdax-il sena, u fl-agħar tal-kundizzjoni spiċċat tiżen 35 kilo biss.

“Ikun kemm ikun in-numru fuq il-miżien dejjem trid tonqos iktar. Inti tagħmel target u meta tasal għat-target tgħid issa nonqsu iktar. Fil-verità qisek tibda tidħak bik innifsek, u tgħid la nasal f’number X nieqaf u nibda niekol normali, però qatt ma tasal, sakemm tieħu l-kura meħtieġa.”

Il-miżien kien sar l-ossessjoni tagħha. “Kont nintiżen ħmistax-il darba jew iktar kuljum,” tgħid Dorothy.

Skont riċerkaturi, l-anoressija hija l-aktar kundizzjoni psikoloġika li twassal għall-mewt, ħafna drabi minħabba kumplikazzjonijiet fl-organi tal-ġisem. Dorothy tirrakkonta kif meta t-tabib qalilha li għandha problemi fil-kliewi, ma ħasset xejn.

“Kelli problemi bil-kliewi, kienu qed jingħalqu, però l-istess, tant kont iffukata fuq il-piż li ma bżajtx. Ma bżajtx li ħa mmut.”

Maż-żmien, mill-anoressija żviluppat il-bulimja, li hija tip ta’ eating disorder oħra, li persuni affettwati biha jipprovaw ineħħu l-ikel li jkunu kielu.

“Tant tkun nieqes mill-ikel li tispiċċa tagħmel binge… binge għal xi ħadd anoressiku tista’ tkun ikla għal xi ħadd li ma jbatix. Pereżempju jien inkun se nieħu dinner għalija, kienet binge ġo moħħi, so tipprova tneħħiha b’xi mod jew ieħor.”

Dorothy daħlet Dar Kenn għal Saħħtek meta kellha 28 sena u tgħid li hawnhekk ħajjitha inbidlitilha għal kollox.

“Hawn tim multi-dixxiplinarju li jġiegħlek tħossok safe, għandek psikologi, nutritionists, terapisti, apparti li ma nistax ma nsemmix il-grupp li kont magħhom. Dawk l-iktar li għenuni, għax tibda tinduna li ġejjin kollha minn background differenti għalkollox, u għandek l-istess problema. U jien affarijiet li kont ngħaddi minnhom, u ngħid imma jien waħdi? Imma u mbagħad tiġi hawn u tisma’ lil xi ħadd għadda minnhom u b’xi mod jistgħu jifhmuk iktar.”

Għalkemm illum ħarġet mill-annoressija u hija omm tarbija ta’ tmien xhur, Dorothy qalet li tevita dawk l-affarijiet kollha li jistgħu jerġgħu jwassluha biex terġa’ tibda twarrab l-ikel. “Għax tant hi xi ħaġa tal-biża’. Tipo xi ħadd li m’għaddhiex minnha ħa jgħidlek kul u jgħaddilek, però hija xi ħaġa qisek għandek xi ħadd ieħor fik.”

Dorothy appellat lil min beda jwarrab l-ikel u li l-piż beda jsir iċ-ċentru ta’ ħajtu, biex ifittex l-għajnuna mill-ewwel. “Iktar ma tħalli iktar ħa ssir diffiċli, għax imbagħad issir identità tiegħek, taf kif għext biha u tibda tibża’ titlaqa’,” twissi Dorothy.

Aħbarijiet Oħra
Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Lokali

Tmien kunsilli lokali ntgħażlu għal proġetti varji fil-komunitajiet tagħhom bil-għan li jintuża trasport alternattiv li ma jagħmilx ħsara ambjentali. Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, u l-Ħamrun ħadu bejn tletin u ħamsin elf ewro…

Lokali

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità attiva Anthony Agius Decelis ħabbar li filwaqt li hawn 2,749 persuni b’diżabilità mpjegati fuq bażi full time, fadal 215 persuna b’diżabilità li qed…

Aktar