Kultura
Waqgħetlu żokortu fil-ġebla u issa mħasseb li se tgħib

L-użu tal-briks fil-bini tista’ tgħid li ħa post il-ġebla tal-franka tant li qajla għadek tara djar mibnija b’reqqa bil-ġebla tal-franka u b’disinn li jpaxxi l-għajn.

Ġużeppi Camilleri, li waqgħetlu żokortu fil-lavur fil-ġebla, qed jibża’ li din is-sengħa qiegħda fix-xifer li tgħib. Għalkemm il-lavur fil-ġebla qiegħed kulma jmur jonqos, Ġużeppi qed jgħallem lil neputih biex ikompli fuq il-passi tiegħu.

F’daqsxejn ta’ garaxx fix-Xewkija Ġużeppi Camilleri, magħruf bil-laqam tal-familja bħala tal-Gims, kien qed inaqqax ventilatur fil-ġebla.

“Jien illum dan li nista’ nagħmel għax illum jien għandi ż-żmien. Noqgħod nilgħab naqra hawn.”

Ilu minn ċkunitu jiskolpi l-ġebla tal-franka . . . sengħa li wiret mingħand missieru. “Kont bdejt ta’ 10 snin ma’ missieri bl-għodda f’idejja u jħarriġni qed tifhem.”

Ix-xogħol fil-ġebla jeħtieġ paċenzja ta’ Ġob. “Filli qed taħdmu u filli jinqasamlek tnejn jiġifieri trid toqgħod attent dejjem.”

Dan l-aħħar, Ġużeppi, li jgħodd 72 sena, beda jitlef xi ftit il-paċenzja. “Però għad baqagħli. Li hu, hu għax sikwit nagħmel xi naqra ta’ arma. Tkun ta’ xiex tkun. Hi x’inhi.”

Għalkemm ix-xogħol il-kbir naqas, ix-xogħol ornamentali fil-ġebla għadu mfittex. Ġużeppi mħasseb li s-sengħa se tmut miegħu. “Minn tal-familja tagħna ma baqa’ ħadd. Jibdew u ma jkomplux. Dak li ġara. Bdew biċċa minnhom u ma jkompluhiex.”

Bit-tama li s-sengħa ma joħodhiex miegħu fil-qabar, Ġużeppi qed jħarreġ lil neputih. “Ara Chris dejjem żomm l-għodda soda ġo idek. Jekk tperpirlek ġo jdejk se xxellef hawn jew se xxellef hemm.”

Kliem ix-xiħ żomm fih. “Iz-ziju dejjem jgħidli li għad jiġi żmien li l-iskultura għad tkun iktar prezzjuża.”

Ġużeppi għandu żewġt ibniet imma ħadd minnhom ma jrid ikompli sengħetu. “Jien jiddispjaċini li tal-familja m’għandniex xi erbgħa oħra jaħdmu. Jien dak id-dispjaċir li għandi. Anzi niżżu ħajr lil Alla nqala’ t-tifel ta’ ħija.”

B’idejh mimlija għabra tal-ġebla, Ġużeppi stqarr li kieku jista’ ireġġa’ l-arloġġ b’40 sena biex ikollu saħħa biżżejjed jgħallem il-lavur tal-ġebla liż-żgħażagħ.

Aħbarijiet Oħra
Settur Marittimu

Il-kumpanija Valletta Cruise Port li tmexxi t-terminal tal-passiġġieri tal-cruise-liners u faċilitajiet oħra fil-Port il-Kbir qed tieħu miżuri favur l-ambjent biex tikseb ċertifikazzjoni ta’ port ekoloġiku. Intervistat minn TVM, il-Kap Eżekuttiv…

Knisja Maltija

L-Arċisqof Charles J. Scicluna appella għar-rispett lejn id-dinjità tal-mara waqt quddiesa li fiha talab biex terġa’ tinfetaħ il-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Adelaide Cini, li qal l-eżempju ta’ ħajjitha u l-ħidma li…

Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet ir-rikors tal-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona biex ma jixhdux f’kawża kostituzzjonali iżda fi żmien jumejn iridu jippreżentaw s-silta minn fejn ikkwotaw ir-rapport tal-inkjesta Egrant…

Budget

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal li l-Budget ippreżentat ilbieraħ u r-reazzjoni ġenerali għalih huma turija li l-Gvern hu konxju tal-isfidi, l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet tan-nies. F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-Budget, il-Ministru Scicluna…

Aktar