Waqt il-Kafé
Għala jibagħtuk issaqqi l-ħass tal-Marsa?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Mhux l-ewwel darba li bgħatna lil xi ħadd isaqqi l-ħass tal-Marsa. U meta jqabbiżhielek xi ħadd, aħjar tibgħatu jsaqqi l-ħass milli tibgħatu banda oħra.

Il-Marsa hija lokalità ċentrali. Fil-fatt kuljum, nofs Malta tgħaddi minn hemm biex tmur lejn in-naħa ta’ isfel tal-pajjiż jew viċi versa. Kull meta għaddejt minn hemm rajt siġar, fjuri u arbuxxelli fir-roundabouts, imma ħass qatt ma rajt. L-uniku ħass li kont nara kien żmien ilu, meta ftit ‘l isfel mill-kappella ta’ Mużew kien hemm il-pitkalija, u mhux ħass biss kont tara imma ħxejjex ta’ kull għamla u lewn.

Allura, ngħid jien, għala jibgħatuk issaqqi l-ħass tal-Marsa?

Fil-Marsa jiltaqgħu ħafna widien li minnhom jgħaddi l-ilma tax-xita fi triqtu lejn il-baħar fl-inħawi tal-Menqa jew f’Ta’ Ċejlu, fejn kien hemm il-Power Station sa ftit ilu. Mhux darba smajna li wara xi maltempata kbira l-Marsa għerqet. B’dak l-ilma kollu, il-ħamrija tal-Marsa hija umda u dejjem fiha l-ilma minn taħt. Kien għalhekk li fl-għelieqi kien jitkabbar kwantità kbira ta’ ħass, xitel li jeħtieġ ħafna ilma biex jikber. U f’dan l-ambjent, il-ħass qatt ma kellu għalfejn jissaqqa. Jekk tmur issaqqih tkun qiegħed taħli l-ħin.

Għalhekk jekk xi ħadd ikun diffiċli, jew jaħlilek il-ħin tibgħatu jsaqqi l-ħass tal-Marsa. Għax dik it-tisqija hija xi ħaġa li qatt ma hemm bżonnha.

Meta kont żgħir u kont ngħaddi mill-Marsa kuljum b’tal-linja, kont ninnota l-kanal tal-Marsa bil-qiegħ tiegħu aħdar u bl-ilma għaddej sajf u xitwa. Ta’ tifel, kont naħseb li kien dak il-ħass tal-Marsa. Kont inqabblu ħafna ma’ dak il-ħaxix li ġieli ssib fuq il-blat maġenb il-baħar, u li trid toqgħod attent ma tiżloqx fuqu qabel tinżel tgħum. Għax inzerta li dak ukoll ħass jgħidulu. Allura x’tort kelli?

Imma nsomma kbirt u sirt naf li mhux dak kien il-famuż ħass tal-Marsa. U la kbirt tgħallimt jien ukoll nibgħat lil min isaqqi l-ħass. U nammetti li anki lili ġieli bgħatu. Anzi lili ġieli qaluli wkoll; “Fuq ħassa għaddej!” U min jagħtihom tort?

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar