Lokali
Waqt il-pandemija ġew approvati b’kollox 190 proġett li se joħolqu 1,900 impjieg ġdid – il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru, Robert Abela, qal li waqt is-sena tal-pandemija ġew approvati b’kollox 190 proġett li se joħolqu 1,900 impjieg ġdid li b’kollox jammontaw għal investiment totali ta’ €140 miljun.

Fl-għeluq tal-Business Breakfast bit-tema Lejn Prosperità Ġdida, il-Prim Ministru qal li l-investituri barranin jafu fejn qegħdin mal-Gvern u għalhekk interessati jkunu parti mir-riġenerazzjoni ekonomika.

Tkellem ukoll il-Ministru għall-Finanzi u Xogħol, Clyde Caruana, li qal li l-Gvern mhux se jżid taxxi għax l-industrija tan-negozju ma tiflaħx daqqa oħra wara l-pandemija.

Il-Malta Enterprise fis-sena tal-pandemija approvat 38 proġett ġdid b’investiment dirett barranin ta’ €77 miljun li se jiġġeneraw madwar 900 impjieg. Il-Prim Ministru qal li dan jikkuntrasta meta mqabbel mal-2009 meta dik is-sena ġew approvati 12-il proġett. Dr Abela qal li l-Malta Enterprise approvat medja ta’ proġett ġdid kull jumejn waqt il-pandemija. Dr Abela qal li dawn il-kumpaniji ġodda se jibdew joperaw f’nofs pandemija.

Waqt Business Breakfast li għalih kienu preżenti l-industrijalisti ewlenin u l-imsieħba soċjali fil-pajjiż, il-Prim Ministru qal li fis-sena tal-pandemija meta barra minn Malta n-negozji tilfu l-kunfidenza u l-kumpaniji bdew jagħlqu l-bibien tagħhom, hawn Malta qal li seħħ l-oppost għax ġew approvati 27 proġett ġdid ta’ investituri barranin li diġà joperaw minn Malta u Għawdex. Dr Abela qal li hemm ukoll 119 proġett ta’ negozji Maltin u Għawdxin li jridu jespandu filwaqt li hemm 6 proġetti minn investituri lokali ġodda.

”B’kollox 190 proġett li mistenni joħolqu iktar minn 1,900 impjieg. Investiment ta’ €140 miljun li 10% minnhom huma start-ups. Kumpaniji ġodda li jibdew l-operat tagħhom f’nofs pandemija u minkejja l-pandemija jkollna dan is-suċċess kollu.”

Dr Abela għamel referenza għall-viżjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern f’Awwissu li għadda waqt laqgħa tal-Kabinett fil-binja tal-Kamra tal-Kummerċ. Il-Prim Ministru qal li l-prosperità l-ġdida trid tkun ibbażata fuq 5 pilastri: il-governanza, il-kwalità tal-ħajja, l-edukazzjoni, l-infrastruttura u l-ambjent/ Qal li din se tkun il-bażi ewlenija tal-ħidma tal-Gvern.

Iktar qabel tkellem il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, li qal li d-daqqa tal-pandemija hi 50 darba iktar qawwija minn dik tar-riċessjoni li laqtet id-dinja fl-2008. Il-Ministru Caruana qal li waqt li d-diskussjoni fuq livell Ewropew hi kif il-gvernijiet għandhom iżidu t-taxxi, il-Gvern Malti mhux se jagħżel din it-triq għax fi kliemu l-industrija tan-negozju ma tiflaħx daqqa oħra wara l-pandemija. Waqt li tenna li l-Gvern se jkompli jsostni n-negozji biex jibqgħu innovattivi, il-Ministru Caruana qal li hemm iktar sfidi lil hinn mill-pandemija fosthom it-tassazzjoni u l-qasam tax-xogħol.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, qal li l-Gvern se jippreżenta pjan ekonomiku ġdid għall-għaxar snin li ġejjin. Il-Ministru Schembri qal li dan il-pjan, li se jkun għall-konsultazzjoni, se jservi biex il-pajjiż ikun jaf x’ħiliet ġodda għandhom bżonn il-ħaddiema ta’ għada filwaqt li jħares lejn niċeċ ekonomiċi ġodda biex tkun iddiversifikata l-ekonomija.

Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, qalet li l-pajjiż għandu bżonn ekonomija li ma tniġġisx. Waqt li tkellmet dwar il-bżonn ta’ iktar investiment fl-enerġija rinovabbli, il-Ministru Dalli rrikonoxxiet li hemm sfidi fosthom il-prezzijiet tal-pannelli tax-xemx u l-vetturi elettriċi. Dr Dalli qalet li hemm impenn għal iktar inċentivi biex in-nies jinvestu f’enerġija nadifa.