Lokali
Wara 14-il sena titħassar in-Notte Bianca minħabba l-COVID-19

Illum it-3 ta’ Ottubru, l-ewwel Sibt ta’ Ottubru u tradizzjonalment il-weekend li matulu kienet tiġi organizzata n-Notte Bianca. Organizzat għall-ewwel darba fl-2006, in-Notte Bianca kienet tattira folol lejn il-kapitali. Għal erbatax-il sena konsekuttiva, għexieren ta’ eluf ta’ Maltin u turisti attendew bi ħġarhom għall-programm tal-attivitajiet li kienu jibdew is-Sibt waranofsinhar u jibqgħu sejrin mal-lejl fi prattikament kull rokna tal-Belt; minn kunċerti, teatru, arti għal żjarat fil-postijiet storiċi li kienu jiqgħu miftuħin, l-istess bħall-ħwienet u r-ristoranti. Il-COVID-19 iżda ħassret il-festi!

Is-Sindku tal-Belt, Alfred Zammit qal li d-deċiżjoni kienet mistennija. “Ma tistax tagħmel in-Notte Bianca meta eluf ta’ nies jidħlu l-Belt u kulħadd jaf il-folol li tiġbed in-Notte Bianca allura kienet deċiżjoni li kulħadd stenna… jiddispjaċina, nittamaw li jekk Alla jrid ssir is-sena d-dieħla.”

Diversi nies esprimew id-dieqa tagħhom għall-fatt li tħassret in-Notte Bianca. “Ħasra li tħassret hux għax ħaddieħor gost u pjaċir tiegħu li jiġi jara naqra attivitajiet”. “U dwejjaq imma la ġiet issa rridu noqogħdu naqra iżjed b’dixxiplina f’kollox hux”.

Il-lejl tan-Notte Bianca kien jiġġenera eluf ta’ ewro għan-negozji tal-Belt. “Il-Belt Kapitali tagħna, in-Notte Bianca iġġibilna ħafna nies, kwalunkwe. Imma s-sitwazzjoni li ġara dan l-aħħar festi kollox tħassar u fl-opinjoni tiegħi jekk in-Notte Bianca ma tiġix fil-ġurnata tagħha, inutli li tqassamha u tirranġa, is-sitwazzjoni hi li hi”.

“Is-soltu qatt ma kont tiġi hawn u ssibli l-ħanut vojt jiġifieri din għalina kienet tfisser ħafna għax aħna qed inbigħu 20 percent ta’ dak li konna nbigħu qabel affettwatna ħafna… neħħejt mill-lavranti jiena.”

Is-sidien tan-negozji qalulna li l-uniku ċaqlieqa li kellhom kienet mill-ftit turisti.