Wara 3 ġimgħat jistudjaw l-Ingliż, studenti Ġappuniżi jsellmu lil Malta bil-vuċi tagħhom

Grupp ta’ 15-il studenta Ġappuniżi dalgħodu impressjonaw lil kull min inzerta fis-sala tat-tluq fl-ajruport internazzjonali  ta’ Malta. Wara ġimgħat jistudjaw l-Ingliż f’pajjiżna huma sellmu lil Malta bil-vuċi anġelika tagħhom.

It-tfajliet li għandhom bejn l-14 u s-16-il sena qatgħu tliet ġimgħat Malta biex jistudjaw l-Ingliż. Huma jattendu l-iskola kattolika ta’ Santa Ċeċilja ftit ‘il barra minn Tokyo.

Fid-dawl li Santa Ċeċilja hija l-patruna tal-mużika, il-kant jiddomina f’din l-iskola. L-għalliema li akkumpanjat lil dawn l-istudenti qalet li din hi t-tielet darba li l-iskola għażlet lil Malta biex l-istudenti tagħha jkollhom għarfien aħjar fil-lingwa Ngliża.

“They enjoyed it from the start to the end. They enjoyed the beautiful sunrise. They woke up very early in the morning and the beautiful scenery and the sea,” qalet l-għalliema Katsieko Toi.

L-għalliema qalet li l-iskola għażlet lil Malta għax hu pajjiż Kattoliku u għar-reputazzjoni tajba li għandu fit-tagħlim tal-Ingliż.