Politika
Wara biss 10 xhur mill-ħatra tal-kabinett tħabbar reshuffle li reġa’ qalbu ta’ taħt fuq – il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ ta l-akbar prova tal-inkompetenza tiegħu meta wara biss għaxar xhur mill-ħatra tal-kabinett, ħabbar reshuffle u reġa’ qaleb il-kabinett ta’ taħt fuq.

F’attività politika fid-Dar Ċentrali, Dr Grech qal li f’mument ta’ kriżi, fejn l-iktar li għandha bżonn Malta hi l-istabilità, il-Prim Ministru waqqaf Gvern għal ġimgħat sħaħ bl-ispekulazzjoni ta’ reshuffle għaliex l-għażliet li għamel għaxar xhur ilu fallew.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li bil-bidliet fil-Kabinett il-Prim Ministru kkonferma li l-Gvern falla quddiem il-pandemija bħax biddel il-ministri tas-setturi l-iktar milquta mill-Covid.

Dr Grech qal li l-oppożizzjoni kienet ilha xhur tgħid li hemm kriżi fid-djar tal-anzjani, bis-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur sparixxa meta l-aktar kien hemm bżonnu. Kompla li wara ġimgħat iwebbes rasu u jiddefendih, il-Prim Ministru kellu jammetti l-falliment.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-inkompetenza tal-Gvern ħarġet wkoll fl-edukazzjoni minkejja l-appelli mill-unions. Dr Grech qal li l-Prim Ministru xorta baqa’ jwebbes rasu, billi lill-Ministru Owen Bonnici, wara li falla fl-oqsma tal-Ġustizzja u l-Edukazzjoni, fdalu l-istrateġija għal wara l-COVID.

Dr Grech qal li l-Prim Ministru għandu jitlob apoloġija lill-operaturi turistiċi li għadhom ibatu l-effetti tan-nuqqasijiet ta’ Julia Farrugia Portelli, li m’għadhiex reponsabbli minn dan il-qasam iżda qal ħolqilha Ministeru għaliha. Semma ukoll lill-Ministru Silvio Schembri li qal ittiħdulu diversi biċċiet mill-Ministeru tiegħu minħabba dak li sejjaħ arroganza li wera mas-setturi milquta. Dwar il-Ministeru tal-Finanzi, Dr Grech qal li f’mument tant sensittiv, dan spiċċa f’idejn l-eks kap tas-segretarjat tal-Prim Ministru wara li ħatar lill-Ministru Scicluna Gvernatur tal-Bank Ċentrali għax fi kliemu ma riedx jitlaq mill-kariga.

Semma lil Justyne Caruana u qal li dak li kien jgħodd għaliha f’Jannar meta rriżenjat għadu jgħodd illum u ma jistax jifhem kif reġa’ fdalha ministeru. Dr Grech qal li ż-żgħażagħ u l-isport baqgħu ma ngħatawx prijorità minn dan il-Gvern, u wiegħed li Gvern Nazzjonalista jagħmel Ministeru għaż-Żgħażagħ u l-Isport.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-interessi elettorali wasslu lill-Prim Ministru biex reġa’ kabbar il-kabinett diġà kbir li kellu, u tefa’ fuq il-pajjiż spiża akbar meta Malta qed taffaċċja l-akbar defiċit fl-istorja.

Dr Grech awgura lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għall-ħatra internazzjonali tiegħu u qal li dan hu ezempju ta’ kif għandu jkun il-Malti li jagħmel lill-pajjiz kburi bih.