Barranin
Wara disat’ijiem bejn sema u ilma 629 immigrant jaslu Spanja

Intemm il-vjaġġ imqalleb li kellhom is-629 immigrant li ħarbu minn pajjiżhom il-ġimgħa l-oħra. Wara disat’ ijiem bejn sema u ilma, l-immigranti minn 26 pajjiz iddaħlu fi-Port ta’ Valencia matul il-ġurnata tal-Ħadd fuq tliet opri tal-baħar, l-Aquarius li oriġinarjament kien il-vapur li salvahom fl-ibħra Libjani, dgħajsa tal-guardia costiera Taljana u vapur tal-Marina Militari Taljana.

Il-vapur Aquarius immexxi mill-għaqda mhux governattiva SOS Mediterranee u Medicins Sans Frontieres kmieni l-Ħadd filgħodu daħal fil-port ta’ Valencia. Fuqu kien hemm 106 mis-629 immigrant li kienu ilhom mis-Sibt tal-ġimgħa ta’ qabel li ġew salvati fl-ibħra qrib il-Libja. Minbarra l-Aquarius daħlu f’Valencia wkoll 274 persuna abbord id-dgħajsa tal-gwardja costiera Taljana Dattilo u 249 oħra li kienu abbord il-vapur Orione tal-Marina Militari Taljana.

Kif lemħu l-art Spanjola, l-immigranti bdew ikantaw u jiżfnu bil-ferħ wara li kienu ilhom 9 ijiem bejn sema u ilma.

Mal-wasla tagħhom fil-port ta’ Valencia sarulhom testijiet mediċi mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar. Id-Deputat Direttur tas-Servizzi tal-Emerġenza f’Valencia, Jorge Suarez, qal li l-kundizzjoni tagħhom hija agħar minn dak li kien mistenni.

Id-Deputat Direttur Servizzi tal-Emerġenza f’Valencia Jorge Suarez  qal li “il-kundizzjoni tagħhom hija agħar milli stennejna f’sitwazzjonijiet individwali. Mhux il-każ li kellna każi i’jed serji milli stennejna, imma l-persentaġġ ta’ nies li għandhom xi kundizzjoni tas-saħħa huwa ogħla milli stennejna, imma dan hu normali f’sitwazzjoni bħal din.”

L-Ispettur Ewlieni Spanjol f’Valencia fit-taqsima tal-immigrazzjoni, Bernardo Alonso, qal li l-awtoritajiet Spanjoli iddeterminaw li kollha għandhom dritt jitolbu protezzjoni u stat ta’ refuġjat li qal se jkunu studjati każ b’każ.

L-Ispettur tal-Pulizija f’Valencia Bernardo Alonso qal li “il-Gvern Spanjol iddetermina li jingħataw dħul straordinarju għal 45 ġurnata minħabba raġunijiet umanitarji. Ladraba l-pulizija jlestu xogħolhom, l-immigranti se jkunu assistiti minn għaqdiet mhux governattivi varji skond kif jinħatru mill-ministeru tax-xogħol.”

Fost dawn is-629 immigrant hemm 123 tfal mhux akkumpanjati, 11-il tifel u tifla oħra taħt l-eta’ ta’ 13-il sena, u 7 nisa tqal. Il-każ tal-Aquarius jiżviluppa fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet meta dawn is-629 immigrant ġew salvati mill-ibħra ‘l barra mil-Libja minn 6 operazzjonijiet ta’ salvataġġ, fosthom mill-gwardia costiera Taljana, li tellgħuhom abbord il-vapur Aquarius. L-immigranti huma minn 26 pajjiż b’rapporti qed jgħidu li l-ikbar gruppi huma mis-Sudan u n-Niġerja, waqt li hemm oħrajn mill-Eritrea, in-Nofsinhar ta’ Sudan, l-Alġerija, l-Afganistan, il-Pakistan u Bangladesh.

L-Italja rrifjutat li ddaħħalhom, bil-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini jagħlaq il-portijiet għalihom u jisfida lil Malta teħodhom hi. Il-Gvern Malti min-naħa tiegħu qal li, skont il-liġi internazzjonali, l-Aquarius ma kienx responsabbilita’ ta’ Malta minħabba li ma ġewx salvati f’ibħra Maltin. It-Tnejn li għadda, il-Prim Ministru ġdid Spanjol, Pedro Sanchez qal li lest li jilqa’ lil dawn il-persuni li mbagħad bdew il-vjaġġ tagħhom lejn Valencia. Vjaġġ li għal ħafna mill-ġranet kien ikkaratterizzat minn baħar imqalleb.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

F’Toronto l-Kanada, raġel spara fuq in-nies bil-konsegwenza li nqatlet mara, u ndarbu tlettax. Fost dawk midruba gravi hemm tifla ta’ bejn tmienja u disa’ snin. Ir-raġel li wettaq dan l-attakk,…

Barranin

Ħdax-il xufier ta’ minibus inqatlu f’daqqa b’tiri t’armi tan-nar meta kienu qed jivvjaġġaw lejn Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel. Erbgħa oħra jinsabu fil-periklu tal-mewt. Ix-xufiera, li huma mill-provinċja Gauteng, kienu attakkati hekk…

Barranin

Tifel ta’ 3 snin sofra ħruq gravi f’wiċċu u f’dirgħajh f’attakk bl-aċtu li xxokkja l-komunità ta’ Worcester, fir-Renju Unit. It-tifel kien attakkat ġo ħanut tal-fajjenza llum waranofsinhar, bil-mottiv li għadu…

Barranin

Tia Coleman, mara Amerikana rrakkontat kif ħajjitha nbidlet mil-lejl għan-nhar wara t-traġedja ta’ Missouri li seħħet il-Ħamis li għadda. Dgħajsa li kienet qed iġġorr lit-turisti madwar ix-xmara ta’ Missouri għerqet…

Aktar