Wara l-pandemija nistgħu nibqgħu naħdmu minn djarna?

L-Aspett soċjali fil-qasam tax-xogħol esperjenza bidla radikali fis-sena 2020, dan għaliex minħabba l-pandemija Covid19 ħafna kumpaniji investew f’infrastruttura ġdida biex il-ħaddiema jkollhom il-possibilità li jaħdmu mill-kumdità ta’ djarhom.

Din il-bidla waslet biex sar żvilupp fil-mentalità pjuttost riġida li kienet teżisti rigward il-flessibilità fuq il-post tax-xogħol. Illum il-ġurnata ħafna nies jaraw it-telework bħala miżura fundamentali biex ħaddiem ikun jista’ jlaħħaq aħjar mal-karriera tiegħu kif ukoll mal-familja. Dan il-bilanċ jgħin biex il-benessere tal-persuna jiġi salvagwardat. Wieħed mill-ftit aspetti pożittivi li ġabet magħha il-pandemija kien proprju l-investiment sostanzjali li sar minn numru kbir ta’ kumpaniji f’dan il-qasam.

Bla dubju, mhux kull tip ta’ xogħol jista’ jsir mid-dar, biss din il-pandemija wriet kemm hi essenzjali l-flessibilità f’kull ħaġa li nagħmlu. L-Ħaddiema għandhom ikunu stmati u fdati biżżejjed biex juru li kapaċi jagħmlu x- xogħol tagħhom anke minn darhom. “Ix-xogħol mid-dar m’għandux jingħata qisu xi ħadd qed jagħmillek pjaċir jew saħansitra titqies qisek qeda bis-sick” hekk spjegat Kirsten Ancilleri. Hija żiedet tgħid li l-ħajja virtwali qatt ma tista’ tieħu post il-kuntatt uman biss la teżisti l-opportunità għal ħajja iktar flessibbli, permezz tal-internet u pjattaformi oħra għandna nagħmlu użu tajjeb minna.  Ancilleri saħqet li bħala pajjiż imdorrijin nkejlu l-prestazzjoni tal-ħaddiema bil-ħin u mhux bix-xogħol li jsir u l-valur lill-ħaddiema qegħdin jagħtu lil kumpanija. “Meta nħarsu lejn l-istorja naraw li kien hemm inċidenti kbar li ħolqu bidliet radikali fil-mod kif noperaw. L-innovazzjoni hija importanti għaliex tagħti spinta l-quddiem u tikrea realtà ġdida biex nindirizzaw il-problemi li nkunu għaddejjin minnhom f’dak iż-żmien”.