Kurżitajiet
Wara l-pandemija żdiedu l-kumpaniji li jħallu l-impjegati jieħdu l-klieb fl-uffiċċju

Meta kulħadd kien magħluq ġewwa minħabba l-pandemija, ħafna ddeċidew li jibdew irabbu annimal domestiku għall-ewwel darba. Kien innutat li f’ħafna pajjiżi żdiedu partikolarment dawk li bdew irabbu l-klieb.

Skont l-American Pet Products Association, 11.38 miljun familja ġabu annimal ġdid waqt il-pandemija, b’75% minnhom jgħidu li dan għenhom inaqqsu l-istress u jħossuhom aħjar.

Ġara, iżda, li meta l-każi tal-Covid-19 bdew jonqsu u bosta kumpaniji bdew isejħu lill-ħaddiema lura fl-uffiċċju, ħafna sabu ruħhom f’diffikultà x’se jagħmlu bl-annimal domestiku li miegħu qattgħu xhur twal jaħdmu mid-dar, u li kien imdorri bil-preżenza kontinwa tagħhom.

F’Malta, għaqdiet tad-drittijiet tal-annimali qed jirrappurtaw ammonti bla preċedent ta’ klieb abbandunati, b’medja ta’ tlieta kuljum, tant li s-santwarji jinsabu mimlija u qed isiru appelli kontinwi biex in-nies taddotta l-klieb minflok ma tixtri.

Lil hinn minn Malta, jidher li qed tiżdied il-kultura ta’ klieb fuq il-post tax-xogħol, partikolarment fl-uffiċċji. Impjegati li jkunu qed ifittxu xogħol qegħdin jistaqsu dejjem iktar dwar il-pożizzjoni tal-kumpanija fuq din il-materja, u jqisuha bħala punt li jattirahom jaħdmu mal-kumpanija.

Ċertu kumpaniji qegħdin joffru assigurazzjoni għall-annimali domestiċi tal-impjegati, biex dawn ikunu koperti f’każ li jkollhom bżonn intervent għand il-veterinarju.

Stħarriġ li għamlet il-kumpanija Bark, li timmanifattura prodotti tal-annimali domestiċi, sab li fil-fatt 70% ta’ dawk li jaħdmu mid-dar qalu li se jimmisjaw lill-kelb meta jkollhom jidħlu lura l-uffiċċju. Dan jistona mat-42% li qalu li se jimmisjaw lil żewġhom, u d-39% li qalu li se jimmisjaw lil uliedhom.

Kumpaniji kbar bħal Amazon u Google ilhom jippermettu lill-impjegati jieħdu l-klieb magħhom għax-xogħol, anki jekk ma’ din il-prattika hemm marbuta regoli stretti. Il-klieb saħansitra għandhom parti mill-binja ddedikata għalihom biex ikunu jistgħu jiġru u jilgħabu.