Festi
Wara nuqqas ta’ 30 sena, il-Madonna taċ-Ċintura mill-ġdid fit-toroq ta’ Ħal Luqa

It-300 sena mit-twaqqif tal-fratellanza tal-Madonna taċ-Ċintura f’Ħal Luqa qed jitfakkar fi tmiem din il-ġimgħa. Il-qofol jintlaħaq il-Ħadd filgħodu meta wara nuqqas ta’ 30 sena, ix-xbieha tal-Madonna taċ-Ċintura se tinħareġ mill-knisja għal pellegrinaġġ marjan fit-toroq tal-lokalità, fost sinjal ta’ għaqda.

Il-Ħadd filgħodu, Ħal Luqa, se jerġa’ jgħix dik li sa ftit aktar minn 30 sena ilu kienet festa li ma baqgħetx issir.

F’nofs il-Knisja Parrokjali, intramat l-istatwa tal-Madonna taċ-Ċintura, li ilha tħaddan devozzjoni għal mill-inqas 300 sena: kemm ilha li twaqqfet il-fratellanza li ġġib l-istess isem. Il-festa taċ-Ċintura kienet tinvolvi s-sehem ta’ waħda miż-żewġ għaqdiet mużikali ta’ Ħal Luqa, il-Banda Unjoni, li anke meta l-festa ma baqgħetx issir bħala soċjetà mużikali baqgħet tpoġġi bukkett ta’ fjuri quddiem din ix-xbieha tal-Madonna.

Il-Kappillan, il-Kanonku Michael Zammit, qal li b’differenza minn qabel, l-inizjattiva parrokkjali li qed tittieħed din is-sena għandha l-għan li tgħaqqad lir-raħal.

“Xtaqna li din intuha sinifikat ġdid u nħalluha purament devozzjonali. Il-purċissjoni se tkun devozzjonali fejn nitolbu r-rużarju u fl-aħħar tingħata l-barka sagramentali.”

Il-Kappillan qal li fil-pellegrinaġġ se jieħdu sehem il-fratellanzi kollha tal-parroċċa waqt li r-reffiegħa se jkunu ġejjin miż-żewġ għaqdiet mużikali tal-lokalità.

Il-Kanonku Zammit qal li filwaqt li l-fratellanza taċ-Ċintura għandha diversi oġġetti artistiċi, fosthom sett uniku ta’ statwi għal fuq l-artal iddedikat lill-Madonna, l-istess statwa tiġi meqjuma għal titli differenti li għandha l-Madonna: tar-Rużarju, taċ-Ċintura u fil-passat kienet meqjuma ukoll għall-festa tal-warda.

“Fil-knisja għandna statwa waħda tal-Madonna li matul is-sena kollha tkun bħala l-Madonna tar-Rużarju bil-kuruni tar-rużarju għax meta saret kienet tar-rużarju imma fix-xahar t’Awwissu tintlibes iċ-ċintorini flok il-kuruni. Storikament meta twaqqfet il-fratellanza taċ-Ċintura ftiehmu tar-rużarju li jaqsmu l-istatwa u meta jkun hemm l-ispejjeż, jaqsmuhom bejniethom.”

Il-pellegrinaġġ tal-Ħadd filgħodu se jkun purament devozzjonali, mingħajr is-sehem tal-baned u bla logħob tan-nar.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Aktar tard din is-sena partijiet minn Malta mistennija jerġgħu jintużaw għall-film blockbuster. Il-film ġdid ‘Jurassic World 3′ mistenni jinħareġ fis-swali taċ-ċinema f’Ġunju tas-sena d-dieħla. L-aħħar film minn din is-serje kellu…

Politika

Il-Ministru Owen Bonnici qal li bħala Ministru tal-Edukazzjoni se jaħdem, fost affarijiet oħra, biex jiġu indirizzati nuqqasijiet fis-sistema biex ħadd ma jaqa’ lura, u biex iżjed nies ikomplu jistudjaw, anke…

Politika

Waqt żjara fil-ħwienet fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela intlaqa’ mill-pubbliku, is-sidien, u l-ħaddiema tal-istabillimenti fi Triq ir-Repubblika. Dr Abela qal li l-Gvern qiegħed u ser ikompli jwettaq il-wegħda tiegħu…

Lokali

Tħabbret il-mewt ta’ Terry Jones; storiku u artist, magħruf l-iktar għas-serje televiża Monty Python and the Flying Circus. Terry Jones miet ta’  77 sena, wara li għall-aħħar erba’ snin kien…

Aktar