COVID-19
Wara sena anzjani ferħanin għax setgħu jaraw lil qrabathom wiċċ imb wiċċ

Wara aktar minn sena jżommu kuntatt limitat ħafna ma’ qrabathom minħabba l-Covid, l-anzjani f’36 residenza tal-anzjani mil-lum bdew jaraw lil xulxin wiċċ imb’wiċċ u mhux aktar minn wara perspex jew minn fuq xi tablet.

Fir-residenza San Vincenz de Paul l-anzjani dehru iktar kuntenti li wara tant sagrifiċċju u anki solitudni setgħu igawdu ftit ħin mal-qraba għeżież tagħhom.

Minkejja dan it-tnaqqis fir-restrizzjonijiet, id-djar tal-anzjani xorta qed iżommu fis-seħħ xi miżuri ta’ mitigazzjoni fosthom ilbies ta’ maskri u visers u żamma ta’ distanza soċjali.

Catherine Farrugia, anzjana ta’ 98 sena mis-Siġġiewi, qaltilna li ferħana mmens li se tara lill-familja tagħha mentri bintha Doris Ellul qalet li wara iktar minn sena mifruda minn ommha llum ħasset emozzjonijiet kbar.

Leonard Farrugia wkoll iltaqa’ wiċċ imb’wiċċ ma’ oħtu l-kbira Kelina wara aktar minn sena għalkemm jixtieq jgħannaqha minkejja li ma jistax.

Minkejja li tnaqqsu r-restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani, fejn 90% tar-residenti huma mlaqqma kontra l-Covid, ir-residenza ta’ San Vincenz de Paul u djar oħra tal-anzjani xorta kellhom protokoll strett ta’ miżuri biex jipproteġu lill-anzjani.

Fost il-miżuri li qed jadottaw dawn id-djar hemm it-teħid ta’ temperaturi mal-entratura, trasport għal kull viżitatur b’appuntamenti skedati, ilbies ta’ maskri u anki visers għall-viżitaturi, u ż-żamma ta’ distanza soċjali.