Lokali
Wara sfidi u ftit passiġġieri, l-ajruport fiduċjuż għal xhur aħjar

Il-kumpanija li tmexxi l-ajruport ta’ Malta, l-MIA, tinsab fiduċjuża li minn Lulju ‘l hemm se jibdew jaslu f’pajjiżna iktar turisti.

Dan wara li bejn Jannar u April għaddew mill-ajruport 137,887 passiġġier biss, li jfisser 92.6% anqas mill-istess perjodu tal-2019 li kienet l-aħħar sena tajba għall-industrija.

Fil-laqgħa ġenerali annwali tal-kumpanija, il-Kap Eżekuttiv Alan Borg qal li din is-sena s’issa ġabet magħha ħafna sfidi u wera l-fehma li l-investiment hu parti importanti mill-irkupru; iżda uħud mill-proġett pjanati kellhom jiġu posposti.

Il-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tat rendikont lill-azzjonisti tas-sena li għaddiet. Fi tnax-il xahar għaddew ftit aktar minn 1.7 miljun passiġġier, imqabbel ma’ aktar minn 7 miljuni fis-sena ta’ qabel. Id-dħul naqas b’€68 miljun, waqt li l-kumpanija għalqet is-sena b’telf ta’ €4.3 miljuni li qalet kien ikun akbar li mhux għax aġixxiet fil-ħin b’għadd ta’ miżuri li kkontrollaw l-ispejjeż.

F’erba’ xhur din is-sena għaddew mill-ajruport 137,887 passiġġier; l-ekwivalenti ta’ ġimgħa waħda tajba fl-2019. Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg wera ruħu fiduċjuż li t-tieni nofs tas-sena ser ikun aħjar. Mistoqsi x’qiegħed jistenna l-ajruport għax-xhur li ġejjin, is-Sur Borg wieġeb li kif inhuma l-affarijiet bħalissa, fit-triq għall-irkupru Malta tinsab f’pożizzjoni tajba ħafna.

“Għax għandha vaccination rate nerġa’ ngħid eċċellenti, kif ukoll qed naraw illi ħafna destinazzjonijiet tal-leisure, fejn nies jistgħu imorru għall-btala, huma l-ewwel destinazzjonijiet li se naraw irkupru malajr, kif ukoll ir-recovery aktar b’saħħitha 2022 u 2023 u l-mira taghna hi li nilħqu l-2019 levels fl-2024. Dak hu t-tbassir tagħna llum.”

Il-bini mill-ġdid tal-konnettivita’ ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra tibqa’ fuq nett fost il-prioritajiet tal-kumpanija li qed tħares ukoll li tissokta b’xi proġetti mibdija u twitti t-triq għal oħrajn li tibdihom fi żmien aħjar. Il-Kap Eżekuttiv spjega li fl-aqwa tal-pandemija nbidel id-dawl fin-nofs tar-runway, tlesta ħafna mix-xogħol fuq parkeġġ ġdid li jonqsu l-istallazzjoni ta’ pannelli tax-xemx u ssuktat il-ħidma fuq aktar faċilitajiet għall-merkanzija. Is-Sur Borg wera l-fehma li għall-operat fi żmien tajjeb, l-ajruport jeħtieġ li jkollu lest il-proġett Apron X; investiment multi miljunarju għall-iżvilupp ta’ żona ġdida għall-parkeġġ ta’ seba’ ajruplani bil-faċilitajiet kollha meħtieġa għalihom.

“Aktar kmieni din is-sena ħriġna s-sejħa għall-offerti li qed jigu evalwati. Qed insemmi dan għax ahna kellna bottlenecks fl-operat fl-2019 u allura hu importanti li dan il-progett kemm jista’ jkun malajr nibdew inwettquh. Irrid ngħid li d-deċiżjoni mhix se tittieħed sakemm ma narawx stabilità tul din is-sena għax ovjament inti trid dejjem tibbilancja l-finanzi mal-investimenti.”

Skyparks 2 għadu fuq il-karti tal-kumpanija; bil-Kap Eżekuttiv jgħid li ntagħżel is-sieħeb preferut biex jopera l-lukanda li se jkun hemm mal-ajruport, filwaqt li għaddejjin taħdidiet bejn iż-żewġ naħat dwar id-disinni u l-istimi.