Reliġjon
Wara storja ta’ TVM tittieħed azzjoni kontra l-Komunità Ġesù Salvatur

L-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbru li wara ħames xhur ta’ investigazzjoni dwar allegazzjonijiet minn persuni li kienu membri tal-komunita’ Ġesu’ Salvatur, ħabbru li qed jiddiżassoċjaw ruħhom minnha.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kurja, tħabbar li dan sar wara li din il-komunita’ kienet qed tgħaddi għarfien żbaljat u mħawwad tat-tagħlim tal-Knisja, u li weġġgħu għadd ta’ persuni li għaddejjin minn diversi sitwazzjonijiet f’ħajjithom.

TVM kien xandar storja f’Lulju li għadda dwar trawma li għaddew minnha tfajla gay u ommha meta kienu jattendu laqgħat ta’ din il-Komunità.

B’digriet maħruġ mill-Konferenza Episkopali Maltija, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex iddeċidew li s-saċerdoti u r-reliġjużi m’għandhomx jieħdu sehem f’laqgħat organizzati mill-Komunità Ġesù Salvatur; li laqgħat ta’ din il-komunità ma jistgħux isiru fi knejjes, kappelli jew kwalunkwe proprjetà tal-Knisja; u li l-lajċi m’għandhomx jattendu l-attivitajiet organizzati minn din il-komunità.

Il-Konferenza Episkopali Maltija qalet li l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex ikkonfermaw id-deċiżjoni li jiddiżassoċjaw ruħhom mill-Komunità Ġesù Salvatur, wara li kummissjoni mwaqqfa mill-Knisja semgħet l-esperjenzi tal-persuni kollha li xtaqu jiltaqgħu magħha, inkluż il-mexxejja tal-Komunità.

Mons. Hector Scerri, teologu u President tal-Kummissjoni Dottrinali tal-Konferenzan Episkopali Maltija qal li din il-komunita’ weġġgħet lil ħafna nies bl-aġir tagħha u bit-tagħlim żbaljat li wasslet.

“Tant persuni qasmu magħna l-weġgħat tagħhom u dak li għaddew minnu. Dil-komunità wasslet fit-tagħlim tagħha, li ma kienx jaqbel mal-Knisja, grupp magħluq fih innifsu, dinamika fejn dak li jkun ġie affettwat fi grupp żgħir b’mod negattiv, anki l-aspett psikoloġiku kif ġiet affettwata l-imġieba tagħhom.”

Il-Knisja qalet li qed toffri servizz ta’ sapport mingħajr ħlas minn professjonisti għal dawk li sofrew ħsara minħabba din il-komunità.

F’Lulju li għadda TVM xandar l-istorja ta’ żewġ nisa, fosthom Amy Attard ta’ 19 -il sena, li kienet irrakkuntat it-trawma kbira li għaddiet minnha minħabba dak li sejħet estremiżmu fit-twemmin tal-komunità Nisranija Ġesu Salvatur, li tagħha kienet membru flimkien ma’ familtha.

Iż-żagħżugħa kienet irrakkuntat kif minħabba din il-komunità tkissru għadd ta’ familji li jmissu ma’ din il-komunità, u li batew ħafna minħabba tagħlim estremist minn dawk li jmexxu l-komunità.

Fl-istorja tkellmet ukoll Melita Farrugia, omm ta’ tifla gay, li bkiet mhux ftit meta membru tal-komunità kienet qaltilha li bintha ma tistax tidħol f’darha għax iġġib is-saħta minħabba s-sesswalità tagħha.

Wara din l-istorja u bosta allegazzjonijiet oħrajn li saru fil-konfront tal-Komunità Ġesù Salvatur, il-Kurja kienet wieġbet li diġà ħadet passi u ordnat biex ebda membru reliġjuż jew bini tal-Knisja ma jassoċja ruħu ma’ din il-komunità.