Barranin
“Wasalna f’punt li jew niftħu jew immutu ma nistgħux nistennew iktar” -sid ristorant fl-Italja

Sid ta’ ristorant fiċ-ċentru ta’ Ruma sfida r-regoli tal-Gvern u fetaħ il-bibien għall-pubbliku iżda twaqqaf mill-pulizija qabel daħlu xi klijenti.

“Wasalna f’punt issa li jew niftħu jew immutu jiġifieri ma nistgħux nistennew iktar” qal sid ir-ristorant.

Is-sid qal li fetaħ bi protesta għad-deċiżjoni li tul dan ix-xahar, il-bars u r-ristoranti se jkollhom joffru biss servizz ta’ takeaway.

Ilbieraħ għadd ta’ sidien ta’ ristoranti u bars ġew fl-idejn mal-pulizija waqt protesta li organizzaw barra l-bini tal-Parlament f’Ruma. Id-dimostranti bdew jitolbu li jitħallew jaħdmu.

Is-sidien qalu qal li wara 13-il xahar is-sitwazzjoni hija mwegħra ħafna u semmew kif ħafna minnhom m’għandhomx minn fejn iħallsu l-kera, u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Bħalissa l-bars u r-ristoranti fl-Italja jistgħu jiftħu sas-sitta ta’ filgħaxija u jservu l-ikel takeaway biss.

F’Napli, mijiet ta’ bejjiegħa mblukkaw it-triq ewlenija bejn Ruma u Napli bħala protesta talli ilhom ix-xhur ma jistgħux jaħdmu u qalu li ma jistgħux jgħixu mingħajr ebda dħul.