COVID-19
Waslet Malta l-ikbar konsenja ta’ tilqim – “Kieku bqajna bl-istess dożi konna nintlaqtu ħażin”

F’Malta llum waslet l-ikbar konsenja tat-tilqima fi kważi tliet ġimgħat kemm pajjiżna ilu jirċievi dożi mingħand il-Pfizer-BioNTech u l-Moderna.

Kif tħabbar il-ġimgħa l-oħra mill-Gvern, illum waslet Malta l-ikbar konsenja li tammonta għal eluf ta’ dożi. It-tilqim qed jinħażen fil-maħżen tas-Central Procurement and Supplies Unit.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ din it-taqsima responsabbli mix-xiri, il-ħażna u d-distribuzzjoni tal-vaċċin, Karl Farrugia, qal ma’ TVM li dan seta’ jsir għax Malta kienet ilha għaddejja b’negozjar f’dan ir-rigward. TVM żar il-post fejn qed jinħażen il-vaċċin u tkellem mal-Inġinier Farrugia.

Fir-raħal Belġan ta’ Puurs, l-epiċentru tal-produzzjoni tat-tilqima ta’ Pfizer-BionTech bħalissa għaddejjin tibdiliet kbar fil-linja ta’ produzzjoni, bil-għan li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin il-kumpanija tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda li qed dejjem tikber għall-vaċċin tal-Covid.

Kaġun t’hekk fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-kumpanija ħabbret li se tkun qed tnaqqas il-konsenji destinati għall-pajjiżi Ewropej. Minkejja dan l-iżvilupp fit-tiġrija għall-vaċċin, f’Malta llum waslet konsenja b’eluf ta’ dożi li fiha d-doppju min kemm oriġinarjament kien maħsub qabel saru dawn it-tibdiliet fid-distribuzzjoni tal-vaċċin.

L-Inġinier Karl Farrugia qal ma’ TVM li Malta kienet ilha għaddejja bi sforz biex iżżid id-dożi li oriġinarjament kienu maqbula mal-kumpaniji farmaċewtiċi li żviluppaw il-vaċċin.

“Malta ħadmet minn qabel biex tikkomunika ma’ Pfizer biex iżid id-dożi qabel ma ġara dan kollu allura meta ġew biex jitnaqqsu dożi m’affettwatniex daqshekk. Li kieku bqajna bl-istess dożi konna nintlaqtu veru ħażin. Bil-mod kif ħdimna llum, għandna nirċievu konsenja li hi d-doppju minn dik li kienet oriġinarjament qabel ma saru l-kambjamenti kollha.”

L-Inġinier Farrugia li ilu jaħdem fis-settur tas-saħħa pubblika għall-dawn l-aħħar 20 sena qal li kuljum il-ħaddiema jippreparaw id-dożi tal-ġurnata li jmiss billi joħorġu l-vaċċin mill-friża u jħalluh jinżel fit-temperatura adegwata mal-lejl.

Il-vjaġġi qed isiru bi skorta tal-Forzi Armati ta’ Malta apparti li l-ħażna tal-vaċċin qed tkun mgħassa lejl u nhar minn uffiċċjali tas-sigurtà u mill-forzi armati.

L-Inġinier Farrugia spjega kif apparti x-xiri tal-vaċċin, tul ix-xhur tal-pandemija d-Dipartiment kien inkarigat mix-xiri ta’ tagħmir protettiv bħal maskri u visors li jintużaw ta’ kuljum mill-ħaddiema tas-settur pubbliku.

“L-investiment ma’ kienx żgħir, f’dawn l-aħħar xhur investejna 100 miljun ewro apposta għall-protezzjoni tal-ħaddiema u kull min jaħdem f’dan l-ambjent. Apparti x-xiri normali tal-mediċini li jsiru hawnhekk hawn l-istores kollha tal-Gvern apparti minn hekk nġiebu stocks kuljum biex inkunu nistgħu nagħqdu l-entitajiet.”

L-Inġinier Farrugia qal li biex jassiguraw li l-pajjiż lest għal kull eventawlità nxtara ammont ta’ stokk ta’ tagħmir protettiv akbar mis-soltu li qed jinżamm fis-swali ta’ xi skejjel li nbidlu f’imħażen temporanji.