Lokali
Webbsu rashom: Kumpaniji għall-Qorti talli mhux iħaddmu persuni b’diżabbiltà

L-aġenzija Jobsplus se tieħu passi fil-Qorti kontra 150 kumpanija li rrifjutaw li jħallsu kontribuzzjoni wara li naqsu milli jħaddmu persuni b’diżabbiltà skont il-liġi.

Iċ-Chairman ta’ Jobsplus Clyde Caruana, filwaqt li żvela dan ma’ Television Malta, qal li s-sena l-oħra, inġabru €1.4 miljun f’kontribuzzjonijiet mill-kumpaniji li ppreferew iħallsu l-kontribuzzjoni minflok iħaddmu persuni b’diżabbiltà. Spjega li dawn il-flus qed jintużaw biex il-Fondazzjoni Lino Spiteri tgħin persuni b’diżabbiltà jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Ċifri mogħtija fil-Parlament juru li filwaqt li fl-2013 kien hemm inqas minn 1,800 persuna b’diżabbiltà li kellhom impjieg full-time jew part-time, dawn żdiedu għal 3,500 s-sena li għaddiet.

Ir-raġuni għaż-żieda fl-impjiegi tal-persuni b’diżabbiltà x’aktarx kienet li l-Gvern beda jinforza l-liġi, biex kull kumpanija li tħaddem aktar minn 20 persuna, trid timpjega 2% tal-ħaddiema, li jkunu persuni b’diżabbiltà. Jekk ma jsirx hekk, il-kumpanija tintalab tħallas kontribuzzjoni li tintuża għat-taħriġ tal-persuni b’diżabbiltà mill-Fondazzjoni Lino Spiteri li tgħinhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Iċ-Chairman ta’ Jobsplus spjega lil TVM, li hemm numru ta’ kumpaniji li għadhom qed jirreżistu din ir-riforma soċjali.

“Ħafna minnhom ma jagħtux raġuni jew inkella ir-raġuni tkun li jien m’iniex interessat. Jien ma rridx naf. Toqogħdux iddejquni b’dawn l-affarijiet. Huma affarijiet li jweġġgħuk ftit għax aħna mhux qed nitkellmu fuq karità imma fuq xi ħaġa li għandha dritt ikollha f’soċjetà: ix-xogħol,” qal Caruana.

Minħabba dan l-atteġġjament, Jobsplus se tieħu passi fil-Qorti kontra 150 kumpanija, li baqgħu jwebbsu rashom u ma ħaddmux persuni b’diżabbiltà, u lanqas ħallsu kontribuzzjoni skont il-liġi.

Jobsplus tużahom sabiex tiffinanzja l-ħidma tal-Lino Spiteri Foundation li hija entità bi sħab mal-Jobsplus fejn dawn jipprovdu taħriġ u anki sapport lill-employers fis-settur privat sabiex huma jkunu megħjuna biex jimpjegaw persuni b’diżabbiltà.

Is-Sur Caruana stqarr li kien hemm mas-700 kumpanija li obdew il-liġi, filwaqt li 400 oħra ħallsu l-kontribuzzjoni, bis-somma titla’ għal €1.4 miljun, li qed tiffinanzja lill-Fondazzjoni Lino Spiteri.

Aħbarijiet Oħra
Avjazzjoni

L-Air Malta lbieraħ temmet l-ewwel titjira lejn Cochin, fl-India. Dan huwa l-ewwel vjaġġ tax-xorta tiegħu għall-Air Malta. F’post fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment, Silvio Schembri qal li dan…

Parlament

Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield għamel għadd ta’ mistoqsijiet lid-deputati nazzjonalisti fl-Oppożizzjoni dwar ir-relazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech li huwa akkużat bħala l-mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Id-deputat Bedingfield – li…

Turiżmu

Fl-ajruport internazzjonali kien hemm ħafna emozzjonijiet fost il-ħaddiema tal-ajruport, il-ħaddiema tal-linji tal-ajru u l-passiġġieri barranin li waslu Malta fuq l-ewwel titjriet li waslu l-ajruport wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet relatati mal-Covid-19. Il-Ministru…

Aktar