Qorti
Weġġa’ mara gravi u wara ħebb għal kuntistabbli

Raġel kien ikkundannat sena u nofs ħabs sospiżi wara li ammetta li weġġa’ mara b’mod gravi, li hedded lil raġel ieħor u ħebb u weġġa’ kuntistabbli tal-Pulizija.

Badreddin Osyad Fadoussi kien akkużat li, mingħajr il-ħsieb li joqtol, darab gravi lil Lygia Rodragues. Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin tad-29 t’Ottubru f’San Ġiljan.

Huwa kien akkużat ukoll li hedded jew qabad armi kontra Rustamjon Hamid Janov, li fl-għassa ta’ San Ġiljan hedded lill-pulizija, kif ukoll li fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana darab ħafif lill-kuntistabbli Alfred Bray.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, qieset l-ammissjoni bikrija ta’ Fadoussi u kkundannatu 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn, kif ukoll multa ta’ €4,000.

Il-Maġistrat irrimarka li huwa konxju mill-kritika fil-konfront ta’ sentenzi sospiżi, u billi għamel referenzi għal sentenzi oħra, spjega li s-sospensjoni tingħata f’ċirkostanzi partikolari.

Dawn jinkludu l-gravità tar-reat, il-mod kif ikun twettaq, l-impatt u l-ħsara tar-reat, jekk għamilx tajjeb għall-ħsara, il-koperazzjoni mal-pulizija, l-ammissjoni bikrija, l-impatt tas-sospensjoni fuq il-persuna u fuq is-soċjetà, u jekk il-persuna hix perikoluza, fost oħrajn.