Qorti
Weħel multa ta’ €500 wara li għajjat fil-Qorti – qal li jrid tabib għax qed jibża’ mill-Maġistrat

Raġel ta’ 36 sena mill-Maċedonja ukoll tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ vjolenza domestika.

Shojlev Dragan li qal jgħix f’garaxx, ġie mixli li ffastidja lill-ex sieħba tiegħu li tiġi omm uliedu, li kkawżalha vjolenza psikoloġika, li kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li heddidha b’messaġġi fuq il-mobile u li għajjarha.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace staqsiet lill-akkużat jekk iridx avukat tal-għajnuna legali, bl-akkużat beda jgħajjat u jgħid li hu għandu avukat minn Għawdex li għandu l-evidenza kollha iżda ma setax jattendi għas-seduta.

L-akkużat tant għajjajt li l-Qorti, wara li siktitu diversi drabi, weħlitu multa ta’ €500 fuq disprezz. L-akkużat beda jgħajjat aktar u din id-darba beda jgħid li jrid tabib għax qed jibża’ mill-Maġistrat.

Pulizija li kienu preżenti fl-awla, ikkalmaw lill-akkużat li għas-seduta tal-lum biss dehret għalih avukat tal-għajnuna legali.

Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi. Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk baqa’ miżmum arrestat.