Qorti
Jeħlu l-ħabs wara li ppruvaw jivvjaġġaw b’dokumenti foloz

Żewġ Sudaniżi (Tageldenn Muse Abduhaira u Mudthen Harounosman) u żewġ Eġizzjani (Abdul Rahman u Abdalla Nadi Abdalla Atwa) ġew ikkundannati sitt xhur ħabs kull wieħed wara li tressqu l-Qorti akkużati li kellhom u ppruvaw jivvjaġġaw b’dokumenti foloz. L-akkużati li l-età tagħhom tvarja bejn 21 u 36 sena ammettew l-akkużi kontrihom.

L-Ispettur Frankie Sammut qal li l-akkużati ma kienx ilhom li daħlu Malta b’mod irregolari u b’li għamlu kisru l-liġijiet tal-immigrazzjoni. Spjega lill-Qorti li fil-każ taż-żewġ Eġizzjani, inzerta l-uffiċjali Taljani ċċekkjaw id-dokumenti u bagħtuhom lura Malta immedjatament. L-Ispettur Sammut insista li l-Qorti għandha tgħaddi messaġġ ċar għax ir-reat sar wieħed komuni b’diversi persuni jippruvaw iqarqu bl-awtoritajiet Maltin u barranin meta jippruvaw jidħlu jew joħorġu mill-pajjiż b’dokumenti foloz.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, qablet mal-uffiċjal prosekutur u qal ukoll li fil-prinċipju dawn ir-reati jistgħu jimminaw ukoll is-sigurtà tal-pajjiż. Qal li l-pajjiż għandu jkollu interess qawwi li jkun jaf l-identità ta’ min jidħol fil-pajjiż b’mod partikolari fi żminijiet ta’ taqlib, kunflitti u terroriżmu li diversi pajjiżi jinsabu għaddejjin jew mhedda bihom. Il-Maġistrat Mifsud qal li l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra għandhom jiftħu għajnejn kulħadd għar-riskji serji li l-fenomenu tal-immigrazzjoni illegali b’dokumenti foloz jista’ jġib miegħu għal nies innoċenti.