Barranin
Whatsapp se jissikka fuq il-protezzjoni tad-data fl-Ewropa wara li weħel multa kbira

Il-kumpanija Whatsapp irrevediet id-dokumenti ta’ privatezza b’rabta mal-informazzjoni personali tal-utenti fl-Ewropa, wara li weħlet multa rekord mill-awtorità regolatorja tal-Irlanda għall-protezzjoni tad-data.

Whatsapp kienet immultata €225 miljun wara sena ta’ investigazzjoni li fiha sabet li l-kumpanija ma kinitx trasparenti biżżejjed fuq il-mod li biha tipproċessa d-data tal-utenti.

Il-multa oriġinali kienet maħsuba li tkun ta’ madwar €30 miljun, iżda wara konsultazzjoni ma’ awtoritajiet regolatorji oħra fl-Ewropa, din ġiet irreveduta sostanzjalment ‘il fuq, biex saret it-tieni l-ikbar multa fl-istorja b’rabta ma’ protezzjoni tad-data. L-Amazon biss s’issa weħel multa ikbar.

Whatsapp, li qed tappella mill-multa, qalet li hija temmen li diġà kienet konformi mar-regolamenti Ewropej dwar din il-materja, iżda li qed temenda d-dokument tal-politka tagħha għall-Ewropa biex tipprovdi iktar tagħrif dettaljat fuq il-mod kif tuża d-data tal-utenti.