Toroq
Wiċċ ġdid għat-triq bejn il-Ferries f’Tas-Sliema u l-Balluta f’San Ġiljan

Il-Ministru ghat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg qal li Infrastructure Malta għadha kif lestiet ix-xoghol ta’ resurfacing fi Triq it-Torri, minn ħdejn il-Ferries ta’ Tas-Sliema sal-Knisja tal-Balluta f’San Ġiljan b’tul ta’ kważi 5km.

Dr Borg qal li bl-għajnuna tas-surplus fil-finanzi tal-Gvern ġew investiti €835,000 biex qabel l-influss qawwi tat-turisti f’din iż-żona fix-xhur tas-sajf, it-triq tkun aktar adegwata u sikura.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Borg qal li x-xogħol sar matul il-lejl bl-inqas inkonvenjent għar-residenti u n-negozji wara li l-Gvern ikkunsidra talba tal-Kunsill Lokali tas-Sliema. Dr Borg qal li x-xogħol sar minkejja li t-triq hi fil-pjani ta’ Infrastructure Malta biex tinqala’ u tinbena mill-ġdid bħala parti mill-programm ta’ €700 miljun fuq seba’ snin.

Il-Ministru Borg semma wkoll li t-toroq Manwel Dimech u Sir Arturo Mercieca wkoll se jinbnew mill-ġdid u x-xogħol fuqhom għandu jibda dalwaqt.

Spjega li t-toroq li qed jinbnew mill-ġdid għandhom iservu għal mill-inqas 20 sena u l-kuntratturi jibqgħu responsabbli għall-manutenzjoni tagħhom għall-ewwel ħames snin wara t-tlestija.