Lokali
Wiċċ u dehra ġdida għall-breakwater tal-Marfa

Breakwater fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta li għal għexieren ta’ snin qeda wkoll il-ħtiġjiet ta’ min ried jaqsam il-fliegu u ta’ dawk li għalihom is-sajd hu passatemp jew mezz ta’ għixien se jitranġa wara li tħalla fi stat ħażin. Infrastructure Malta se tibda x-xogħol biex tirranġa l-breakwater tal-Marfa li partijiet minnu se jinbnew mill-ġdid.

Il-breakwater max-xatt tal-Marfa fil-limiti tal-Mellieħa jinsab f’qagħda ħażina ħafna, mhux biss minħabba il-ħsarat estensivi li ġarrab kawża tal-elementi u l-maltemp li qala’, imma anke minħabba li matul is-snin ftit li xejn ingħata attenzjoni.

Il-Kap tat-Taqsima Marittima ta’ Infrastructure Malta, il-Perit Janice Borg, spjegat li minn stħarriġ li sar fuq il-pedamenti taħt l-ilma, irriżulta li partijiet sostanzjali mill-istruttura huma mikulin u mkissrin għal kollox. Minħabba f’hekk iridu jerġgħu jinbnew mill-ġdid.

”Għandek ix-xogħlijiet ta’ taħt l-ilma fejn irid jiġi rinfurzat l-istruttura eżistenti u ovvjament jingħalqu t-toqob etc. u mbagħad għandek ix-xogħol ‘il fuq mill-ilma fejn jerġa’ jinbena mill-ġdid il-moll li qegħdin fuqu bħalissa, jinbena s-sea wall li huwa l-ħajt ta’ barra li jkun qed jaqla’ l-mewġ ġo fih. Kif qed tara dan hu moll espost ħafna.”

Il-gverta tal-breakwater li sservi ta’ moll hi twila 85 metru u wiesgħa 9 metri. Il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ żewġ miljun u mitt elf ewro, jinkludi wkoll l-istallazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl u kameras tas-sigurtà madwar il-breakwater.

Fis-snin sebgħin, ma’ dan il-breakwater kienu jittrakkaw il-laneċ li kienu joperaw il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex. Minkejja l-istat ħażin, għadu mfittex ħafna mid-dilettanti tas-sajd bil-qasba u jintuża mil-laneċ tas-sajjieda u minn dgħajjes tal-passiġieri bħalma huma dawk li jipprovdu s-servizz ta’ trasport bejn Malta u Kemmuna.

Il-Perit Borg spjegat li bi tħejjija għax-xogħlijiet fuq il-breakwater, Infrastructure Malta se tirranġa u ttejjeb moll iżgħar li hemm ħdejh biex jintuża bħala moll temporanju għad-dgħajjes tas-sajd u tal-passiġieri sakemm il-breakwater jerġa’ jkun aċċessibbli.