Kultura
“Wiċċha jixgħel” – omm Christine Gauci dwar l-istatwa b’tifkira ta’ bintha

Christine Gauci mietet traġikament disa’ xhur ilu meta kienet qed togħdos fi Mġarr ix-Xini. Gauci, li kienet suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta, kellha 35 sena.

Bil-għan li jfakkar il-memorja ta’ Christine, l-iskultur Charlo Spiteri Magri ħadem statwa fi xbieha tagħha, liebsa l-uniformi tas-servizz. Ftit xhur wara mewtha, irriżulta li Christine kienet għaddiet biex tilħaq Bumbardier; kariga li ma kellhiex ix-xorti li sservi fiha.

Omm Christine, Mary Gauci, waqt il-programm li tippreżenta fuq Radju Malta, qalet li fl-istatwa wiċċ bintha jidher jixgħel, u li l-iskultur kien irnexxielu joħroġ it-tbissima tagħha u joħloq xebħ perfett.

Is-Sur Spiteri Magri qal li l-istatwa se tgħaddi f’idejn Frans Muscat biex issir tal-fibre-glass kulur il-bronż. L-għażla ta’ dan il-materjal saret minħabba l-effetti tal-elementi, peress li l-istatwa se tkun qegħda fuq pedestal fuq barra ta’ Dar Christine.

Apparti dan il-mafkar, hemm ukoll mafkar ieħor li sar b’inizjattiva personali tal-kollegi ta’ Christine mill-Forzi Armati ta’ Malta, u li tniżżel f’qiegħ il-baħar f’Imġarr ix-Xini, propju fejn għerqet f’Jannar li għadda.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Il-bugħaddas li mietet fi Mġarr ix-Xini hija suldat mal-FAM