Ambjent
Wied il-Għasel qed jiġi riabilitat b’investiment ta’ €3.3 miljun

Fil-bidu ta’ Ġunju ngħata l-bidu għall-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied il-Għasel fil-limiti tal-Mosta u tan-Naxxar, it-tieni l-akbar wied f’Malta bil-proġett mistenni jitlesta sa tmiem is-sena li ġejja.

It-tieni l-akbar Wied f’Malta qed jiġi riabilitat b’investiment ta’ 3.3 miljun ewro l-parti kbira tagħhom fondi mill-Ministeru tat-Tuirżmu. Il-proġett mistenni jkun lest fi tmiem is-sena 2021, bl-ewwel xogħlijiet iffukaw fuq ir-restawr tal-ilqugħ tal-ilma li kien diġà jeżisti filwaqt li nbeda x-xogħol biex jitneħħew madwar 45,000 metru kubu ta’ materjal li nġema’ fil-wied tul is-snin. L-uffiċjal inkarigat mill-Valley Management fi ħdan Parks Malta, Alex Borg Galea qal li se jiżdied il-potenzjal li jkun assorbit aktar ilma tal-pjan u jnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ għargħar fiż-żona agrikola ta’ Burmarrad.

“Dan huwa differenti minn widien oħra għandu impatt kbir tal-bniedem. M’hawnx xejn kwazi naturali li qed naraw dak huwa materjal li ntefa’ hawn biż-żmien. Peress li huwa f’żona agrikola biex inkunu nistgħu nħażnu l-ilma hawnhekk se nagħmlu stazzjon ta’ moniteraġġ allura inkunu nafu r-riżultati tal-proġett biex naraw jekk hux effiċjenti.”

Qal li għaddej xogħol fuq ir-restawr tal-ħitan tal-ġnub tal-wied, ir-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ u t-tneħħija ta’ siġar u ta’ pjanti invażivi. B’riżultat ta’ dan se jkun qed jinħoloq spazju biex jitħawlu aktar minn 800 siġra indiġina u ftit inqas minn 3,000 arbuxell.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli postijiet bħal dawn għandhom jitgawdew kemm jista’ jkun mill-familji Maltin u Għawdxin li jfittxu żvog f’ambjent sigur u san. Qalet li proġetti simili saru f’Wied Għomor, fil-limiti tas-Swieqi u ta’ San Ġwann, Wied Garnaw f’Santa Luċija, Wied il-Fiddien fir-Rabat u Wied ir-Rum f’Ħad-Dingli.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li dan huwa proġett importanti li mhux biss se jwassal biex ikollna inqas ħela tal-ilma iżda se joħloq ukoll aċċessi aħjar għall-bdiewa tal-inħawi u faċilitajiet għar-rikreazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li proġetti bħal dawn jiffurmaw parti mill-istrateġija tal-Unjoni Ewropea li qed tenfasizza li l-iżvilupp għandu jkun wieħed sostenibbli.