Ambjent
Wied il-Qlejgħa jgħaddi f’idejn Nature Trust Malta

Nature Trust Malta ser tkun responsabbli mill-immaniġġjar ta’ Wied il-Qlejgħa, jew kif inhu magħruf: ic-Chadwick Lakes, wara ftehim ffirmat minn din l-għaqda ambjentali, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, kif ukoll l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Għal dawn l-aħħar sentejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma kienet u għadha qed timplimenta proġett ta’ riġenerazzjoni u riabilitazzjoni f’Wied il-Qlejgħa. Dan il-proġett ta’ €5 miljun, ko-finanzjat minn fondi Ewropej, mistenni jitlesta aktar tard din is-sena.

Ix-xeni tal-kampanja li jilqgħuk f’f’Wied il-Qlejgħa li jagħti għac-Chadwick Lakes huma spettakolari hekk kif eżerċizzju ta’ tindif u restawr li sar fl-aħħar snin wassal biex wieħed se jkun jista jterraq b’iżjed faċilita’ f’ waħda mill-iżjed żoni sbieħ fil-kampanja Maltija.

Bi ftehim iffirmat illum, Nature Trust se tkun qed timmaniġja ż-żona, bil-President tal-għaqda ambjentali Vincent Attard fisser kif is-sit għandu importanza ekoloġika u xjentifika, u qal li fil-passat dan il-wied kien jiġbor l-ilma minn għejjun fl-inħawi biex jissupplixxi s-sistema ewlenija tal-ilma f’pajjiżna.

”Speċi invażivi kienu ħadu over dan il-wied li illum ġie restawrat… dan il-proġett kien proġett ta’ restawr u konservazzjoni tal-wied fejn tneħħew l-ispeċi invasivi u ġew riintrodotti speċi indiġeni għall-gżejjer Maltin u għajlhekk il-poplu jista issa jgawdi l-wied iktar u jara l-biodiversita’ fl-aqwa tagħha.”

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp sostennibli Miriam Dalli qalet li x-xogħlijiet f’Chadwick Lakes elenkaw karatterstiċi li biż-żmien kienu ntilfu u li dawn l-ilqugħ li nbnew fis-seklu 19 se jkunu qed jirritornaw għall-iskop oriġinali tagħhom għall-ħażna tal-ilma.

Spjegat ukoll kif permezz tal-ftehim ma’ Nature Trust Malta, il-gvern qed jimpenja ruħu għall-konservazzjoni kontinwa ta’ Wied il-Qlejgħa, fejn ser ikunu mħawla madwar 5,000 siġra u arbuxell u jkun hemm kontroll akbar fuq speċi invażivi.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ħabbar li l-ERA bdiet il-proċess biex tissaħħaħ il-protezzjoni taż-żona ta’ Chadwick Lakes u li permezz ta’ hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri favur il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-konservazzjoni tal-ambjenti naturali u l-ispeċi tas-sit, kif ukoll dawk l-aspetti ġeoloġiċi, ġeomorfoloġiċi u fiżjografiċi li jagħmlu s-sit wieħed mill-isbaħ pajsaġġi naturali Maltin.

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat se tkun qed tifforma qafas, li permezz tiegħu jistgħu jintalbu fondi Ewropej addizzjonali.