Qorti
Wiegħed li se jħaffef il-proċess tal-ġustizzja

L-Imħallef il-ġdid Grazio Mercieca fis-seduta inawgurali tiegħu wiegħed li se jippjana n-numru, id-dati u l-ħin tas-seduti u l-provi li għandhom jinġiebu fihom, u meta hu possibbli anki jagħti data għall-għoti tas-sentenza. Qal li għalkemm din mhix se tinżel tajjeb mal-avukati difensuri, iħoss li dan għandu jħaffef il-proċess tal-ġustizzja fl-interess tal-partijiet u anki tal-avukati.

Fl-ewwel okkażjoni ta’ Dr Grazio Mercieca fuq is-siġġu ta’ Imħallef, hu tkellem dwar il-problema tad-dewmien fil-kawżi. Qal li beħsiebu jorganizza l-kawżi quddiemu b’mod li l-partijiet inaqqsu d-dewmien billi fost oħrajn il-kawżi jiġu appuntati bil-ħin.

Wiegħed li se jservi lill-pajjiż billi japplika l-liġijiet b’imparzjalità, ġustizzja u ekwità. L-Imħallef Mercieca qal li d-dewmien hu ksur tad-dritt fundamentali li litigant jingħata smiegħ xieraq fi żmien raġonevoli. Qal li minħabba f’hekk il-litigant isofri inġustizzja oħra mill-istess Qorti li qiegħda hemm biex ittemm it-tilwimiet li jinqalgħu fis-soċjetà.

L-Imħallef Mercieca qal li hemm tliet metodi kif tagħmel ġustizzja: ir-rettezza tas-sentenzi, il-kontroll tal-ispejjeż kemm għall-Istat kif ukoll għal-litigant, u ż-żmien li tieħu l-kawża. Qal li spejjeż għoljin iwasslu biex bosta nies ma jfittxux il-Qrati għall-ħarsien tad-drittijiet tagħhom u t-tul taż-żmien iwassal għal nuqqas ta’ memorja fix-xhieda.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati, George Hyzler, qal li l-Imħallef Mercieca kien aktar maqtugħ biex isservi bħala Imħallef milli bħala Maġistrat. Qal li l-aktar kwalità li tispikka fih hi l-passjoni kbira li għandu għall-liġi, bl-aktar aspett għal qalbu hu d-dritt proċedurali ċivili. Żied jgħid li fis-sentejn li serva bħala Maġistrat qata’ sentenzi aktar milli daħlu każijiet kemm fil-kamp ċivili kif ukoll kriminali u dan ikkontribwixxa biex naqqas xi ftit il-lista tal-kawżi.

Huwa appella sabiex il-Kumitat dwar il-Ħatra tal-Ġudikanti jkun jista’ jibda jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu billi jagħmel gradwatorja ta’ persuni approvati u b’hekk jgħin lill-Ministru fl-għażla tiegħu. Qal li kif inhu llum, il-parir lill-Ministru qed jieħu l-forma ta’ ċertifikat li m’hemmx oġġezzjoni, aktar milli rakkomandazzjoni.

Aħbarijiet Oħra
Festi

Tliet politiċi kienu fost tnejn u għoxrin personalità li ġew onorati bid-dekorazzjonijiet tal-istat. Magħhom ġew onorati wkoll diversi personalitajiet għas-servizzi li taw fil-karrieri distinti tagħhom. Fosthom jispikkaw il-kuntistabbli Simon Schembri,…

Stejjer Umani

Omm Maltija tista’ tgħix ħajja normali wara li rċeviet trapjant minn organu ta’ baqra. Shirley Fenech, omm Maltija, għexet ħajja normali sal-2016 meta ħabta u sabta ħassha ħażin, intilfet minn…

Lokali

Il-Prim Minsitru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li hi mhix se tmexxi l-Partit Konservattiv għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, erba’ snin oħra. May għamlet din id-dikjarazzjoni fi Brussel qabel daħlet għal-laqgħa…

Lokali

Qed jinbidlu bħalissa l-bozoz kollha li jdawlu t-toroq ewlenin f’Malta fi proġett li mistenni jnaqqas il-konsum tal-elettriku b’madwar 70%. Il-bozoz il-ġodda, aktar minn tliet elef, huma tal-għamla LED u joffru…

Aktar