
Owen Schembri ta’ 18-il sena, wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena, ngħata l-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet.
Gaffarena, ta’ 27 sena, inqatel b’tiri fil-limiti tal-Qrendi fid-29 ta’ Lulju li għadda, waqt li kuġinuh ta’ 17-il sena, Vince Gaffarena, safa ferut serjament.
Flimkien ma’ Schembri qed jiġi akkużat bil-qtil u bl-attentat ta’ qtil Leon Debono ta’ 19-il sena, li f’dan l-istadju m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest. Iż-żewġ akkużati qed jiċħdu l-akkużi.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Edwina Grima, ikkunsidrat li l-proċeduri kriminali huma avvanzati, u li Vince Gaffarena għażel li ma jixhidx biex ma jinkriminax lilu nnifsu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li għad hemm xhieda ċivili li jaf jissejħu biex jixhdu ‘l quddiem, iżda ma setgħetx tikkonferma kemm se jdumu għaddejjin dawn l-investigazzjonijiet.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €35,000, b’ordni li ma jkunx barra mal-lejl u tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni.
Ara wkoll:
AĠĠORNAT: Saviour Gaffarena jinqatel b’tiri t’arma tan-nar, kuġinuh ferut – 4 persuni arrestati