Wieħed mill-isbaħ opri arkitettoniċi ta’ Malta

Il-Palazz ta’ San Anton huwa wieħed mill-isbaħ patrimonji li nsibu fi xtutna. Palazz, imdawwar bil-ġonna, b’kull xorta ta’ siġar u xtieli fil-qalba ta’ pajjiżna.

Il-Palazz ta’ San Anton, li llum iservi bħala r-residenza uffiċjali tal-President ta’ Malta, inbena madwar l-1620 mill-Granmastru de Paule. Ftit ftit, saru għadd ta’ alterazzjonijiet sabiex dik li kienet villa tinbidel f’palazz.

Fost ix-xogħlijiet li ngħataw il-ħajja, torri majestuż li joffri veduta li tpaxxi l-għajn tal-kampanja tal-madwar. Żdiedu wkoll, fost l-oħrajn, gwarniċa kif ukoll parapett bil-balavostri. Ta’ min isemmi, li matul is-snin iż-żewġ sulari ta’ fuq twaqqgħu wara li ġarrbu ħsara liema bħalha bis-sajjetti.

Il-moħħ wara l-isem tal-Palazz ta’ San Anton kien proprju l-Granmastru de Paule li semmieh għall-patrun qaddis tiegħu, Sant’Antnin ta’ Padova.

Il-Palazz ta’ San Anton huwa mdawwar b’ġonna mill-isbaħ li fl-1882, fost l-oħrajn, fetħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku. F’liema ġonna, wieħed isib siġar ta’ kull xorta b’uħud minnhom ilhom hemm aktar minn tliet sekli.

Illum, dan il-palazz huwa mogħni bi bċejjeċ ta’ arti imprezzabbli u ta’ valur kulturali kbir. Arti, li żżewwaq lill-bosta swali li wieħed isib fi ħdan il-palazz u li tul is-snin servew sabiex jilqgħu fi ħdanhom diversi mexxejja, dinjitarji u nies minn kull sfera tal-ħajja.

Permezz tal-programm ‘Mill-Palazz’, li qiegħed jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fuq TVM qabel l-aħbarijiet tat-8pm, mill-kumdità ta’ darek, għandek iċ-ċans li tagħti daqqa t’għajn tajba lil dan il-palazz majestuż. Ix-xoqqa f’moxtha, biex tgawdi sbuħitu filwaqt li tpaxxi widnejk bit-talent artistiku ta’ wħud fost l-aqwa mużiċisti u artisti lokali.

Erġa’ segwi l-ewwel programm hawn taħt: