Lokali
‘Wieħed minn kull erbgħa qed jitlef is-smigħ mingħajr ma jaf’ – Awdjologu

L-awdjologu Paul Vella qal li n-nuqqas ta’ smigħ hi problema moħbija għax waqt li persuna mingħaliha li tkun qed tisma’ tajjeb, tkun fil-fatt qed titlef is-sens ta’ smigħ għax tibda titlef ċerti frekwenzi. Żied li ħafna drabi meta tinduna bin-nuqqas ta’ smigħ, il-problema tkun saret diżabilità.

“Kieku kellna bħal-lum noħorġu fit-triq u nsibu erba’ min-nies li jassigurawna li m’għandhom l-ebda problema tas-smigħ u veru hekk ikunu jaħsbu u veru hekk iħossuhom, wieħed minnhom, wieħed minn kull erbgħa, se jkollu nuqqas ta’ smigħ mingħajr ma jaf.”

Jgħid li n-nuqqas ta’ smigħ hija l-aktar kundizzjoni medika komuni fid-dinja.

“Bħala persentaġġ jaqbeż il-problema tal-qalb, tad-dijabete, problemi ta’ mard mentali, huwa l-aktar mard komuni fid-dinja tal-lum.”

Is-smigħ hu affettwat mit-tipjip, drogi, xorb alkoħoliku eċċessiv iżda fost l-aktar fatturi li jaffettwawh hemm l-istorbju.

“Tfal bejn 6 snin u 16-il sena, 12% minnhom għandhom nuqqas ta’ smigħ minħabba l-istorbju. Dawn la jaħdmu f’fabbriki, la jaħdmu b’jiggers jew b’makkinarju storbjuż.”

Żied li nofs il-persuni li jbatu min-nuqqas ta’ smigħ ma jaħdmux f’post storbjuż. Spjega li l-problema tkun ġejja minħabba li jkunu esposti għal ħafna storbju b’mod rikreattiv. Fil-każ tat-tfal l-aktar komuni hemm l-użu tal-headphones u saħaq li l-volum għandu jinżamm mal-livell li l-widna tiflaħ għalih.

Appella wkoll biex min jaħdem f’post storbjuż, juża mezzi ta’ protezzjoni. Stqarr li l-akbar għadu tas-smigħ hi l-età.

“Jekk minn 40 sa 60 wieħed minn kull tlieta għandu nuqqas ta’ smigħ, meta taqbeż is-70 nofs in-nies għandhom nuqqas ta’ smigħ.”

Żied li għalkemm wieħed qatt ma jista’ jġib is-smigħ kif kien, diversi trattamenti jgħinu ‘l dak li jkun jitgħallem jgħix bil-kundizzjoni u b’hekk ikun jista’ jkampa mal-ħajja.

Wissa kontra l-użu tal-cotton buds biex wieħed inaddaf widnejh minħabba r-riskju li wieħed jista’ jigref il-kanal li jagħti għall-moħħ b’konsegwenzi li jistgħu ikunu ħafna aktar serji.