Barranin
William u Harry dehru jitkellmu waqt il-funeral tal-Prinċep Philip

Id-duka ta’ Cambridge u d-Duka ta’ Sussex dehru jkellmu lil xulxin fi tmiem iċ-ċerimonja tal-funeral ta’ nannuhom, il-Duka ta’ Edinburgh.

L-aħwa dehru jitkellmu malli ħarġu mill-Kappella ta’ San Ġorġ f’Windsor flimkien mad-Dukessa ta’ Cambridge.

Din kienet l-ewwel laqgħa pubblika bejniethom mindu Prinċep Harry iddeċieda li jabdika mid-dmirijiet irjali tiegħu aktar minn sena ilu.

Ix-xahar li għadda, il-Prinċep Harry indika li kien hemm diffikultajiet bejnu u bejn ħuh William.

F’intervista li kellu ma’ Oprah Winfrey, huwa qal li kienu f’toroq differenti u fil-mument kienu qegħdin jagħtu spazju lil xulxin.

Is-Sibt, il-kuġin tagħhom Peter Phillips mexa bejniethom, hekk kif kienu qegħdin jimxu wara t-tebut ta’ nannuhom fi triqtu għall-kappella. Erbgħa u għoxrin sena ilu, l-aħwa għamlu mixja simili flimkien fil-funeral ta’ ommhom Diana, il-Prinċipessa ta’ Wales.

Mart il-Prinċep Harry, Meghan, li qed tistenna t-tieni tarbija, ma attenditx għall-funeral fuq parir tat-tobba tagħha u minflok qagħdet fid-dar tagħhom f’California.