Wirja fil-Mużew tal-Arkeoloġija dwar l-Imperu Ruman fis-Serbja

Għal aktar minn 600 sena, l-imperu Ruman ħalla l-marka tiegħu f’artijiet lil hinn minn Ruma fosthom f’Malta. Il-partijiet tad-dinja li kienu magħrufa sa dawk iż-żminijiet kienu taħt il-ħakma tiegħu. Iżda x’inhu l-wirt li ħalla fuq il-pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa?

Il-wirt storiku u kulturali tal-imperu Ruman fir-Repubblika Serba jista’ jiġi apprezzat b’wirja fil-Mużew tal-Arkeoloġija l-Belt. Is-Serbja kienet taħt il-ħakma Rumana għal kważi 600 sena: mill-ewwel sas-sitt seklu qabel Kristu. Din ir-rikostruzzjoni turi b’mod grafiku l-mod kif issawwar l-iżvilupp urban waqt l-epoku Ruman. L-arkeologa Snezana Golubovic tispjega li l-mudell li nġieb Malta għal din l-esebizzjoni li qalet huwa bbażat fuq fdalijiet li nstabu waqt skavar li twettaq minn arkeologi.

L-imperu nfirex l-iktar madwar ix-xmara Danube li strateġikament ddetermnat l-mod kif kompla jevolvi u jiżviluppa l-imperu Ruman fl-Ewropa. L-imperu kien estenda mill-parti tal-Ingilterra li tmiss mal-fruntiera tal-Iskozja bl-imperu jinfirex lejn il-Ġermanja; l-Awstrija, l-Ungerija, ir-Rumanija, l-Bulgarija. Il-wirt storiku li tnaqqax waqt il-ħakma tiegħu fis-Serbja kien tant qawwi li l-eku tal-ġrajjiet waqt dik il-ħabta baqa jidwi għal sekli.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-esebizzjoni, il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici ddeskriva ir-relazzjonijiet diplomatiċi u kulturali bejn Malta u s-Serbja bħala eċċellenti. Huwa qal li kapitli komuni li seħħew waqt l-istorja bħall-influwenza tal-ħakma Rumana fl-istess perjodu jgħaqqdu liż-żewġ pajjiżi minħabba l-modi simili li ddeterminaw in-nisġa tas-soċjeta’ waqt dak il-perjodu.