Kultura
Wirja f’Villa Bighi tfakkar iż-żmien li din il-binja kienet sptar navali

Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta’ servizz kontinwu.

Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar navali fiż-żmien meta Malta kienet kolonja Ingliża. Il-wirja tinkludi tagħrif dwar l-arkitettura, il-personalitajiet u t-teknoloġiji mediċi li ntużaw fl-isptar.

Il-binja storika ta’ Bighi hija assoċjata maċ-ċentru interattiv tax-xjenza, l-Esplora, iżda l-anzjani x’aktarx jiftakruha wkoll bħala sptar navali fi żmien l-Ingliżi.

Villa Bighi nbniet fl-1675 minn Fra Giovanni Bichi, li kien membru tal-ordni ta’ San Ġwann, iżda inbidlet fi sptar għall-pesta waqt l-epidemija tal-1813, taħt it-tobba Luigi Pisani u Gio Batta Saydon.

Il-binja mbagħad għaddiet formalment f’idejn il-qawwiet Ingliżi fl-1822 meta Malta saret kolonja Ingliża. Il-gvern Ingliż iddeċieda li juża l-binja bħala sptar, li kompla jirfinaha bil-bini ta’ swali ġodda tal-kirurġija u ta’ kontra l-mard infettiv fil-bidu tas-seklu 20.

“Ġie maħsub bħala sptar għandek ammont kbir ta’ arja għal kull sodda jew pazjent biex ikun hemm ċirkolazzjoni, verandi kbar u bħala kura ħa ngħidu hekk kienet meqjusa bħala waħda mill-aħjar,” qal Clayton Cutajar, Uffiċjal tal-Esplora.

Is-Sur Cutajar qal li l-isptar kellu rwol importanti fi tliet gwerer, meta kien jintuża biex idewwi l-feriti fil-gwerra fil-Krimea tal-1854, u fl-ewwel u t-tieni gwerer dinija.

Ix-xorti ma kinitx ħanina fl-aħħar gwerra dinija minħabba li partijiet sostanzjali tal-isptar ma żgiċċawx il-qilla tal-bumbardamenti mill-ajru.

L-Ingliżi xorta baqgħu jagħmlu użu mill-isptar sal-1970, u kien propju fis-sbatax ta’ Settembru ta’ ħamsin sena ilu li ħarġu mill-binja għall-aħħar darba. “Imbagħad ġie fi stat dilapidat u minn għaxar snin hawnhekk beda proċess taħt il-Kap Eżekuttiv tal-MCST, Dr. Jeffrey Pullicino Orlando, fejn illum il-ġurnata huwa interactive science center kontemporanju, wieħed mill-aqwa Ċentri tax-Xjenza fl-Ewropa.”

Żorna partijiet mill-binja fejn is-swali għolja, twieqi kbar u l-kuruturi mdawlin jagħtu ħjiel tal-mod kif kienu mqassma il-kmamar tal-isptar. Skoprejna li fl-isptar ingħataw kura wkoll personalitajiet partikolari.

“Fl-1863, l-isptar Bighi laqa’ lit-tifel ta’ Queen Victoria, Prince Alfred, u għamel xahar marid, u hemm iddokumentat li mar jgħid, u teżisti wkoll fil-kitba, kemm ingħata kura tajba għal dak iż-żmien.”

Tispikka iċ-ċavetta tal-kanċell tal-bieb prinċipali tal-isptar li hija esebita bi prominenza, flimkien ma’ ġabra ta’ istejjer u rakkonti dwar il-mod kif il-bini u l-użu tiegħu evolva mal-milja tas-snin. “Fl-1847 ingħata l-ewwel lopju Malta ġo Bighi, u anki fil-bidu tas-seklu 20 kien jintuża għal x-rays fis-surgical blocks in-naħa l-oħra.”

L-esebizzjoni permanenti: Il-Ħajja f’Bighi, tinsab fil-bini tal-lift tal-Esplora, magħruf bħala l-cot lift li kien it-tieni lift f’Malta li jaħdem bl-elettriku u kien jintuża biex idaħħal lill-pazjenti b’mod dirett mill-baħar.