Lokali
Wirtna tippreżenta l-proposti tagħha lill-Kap tal-Oppożizzjoni

Twaqqfet organizzazzjoni bl-isem ta’ WIRTNA magħmula minn 22 għaqda volontarja fil-qasam tal-ambjent, l-ippjanar u l-wirt storiku. Fost l-ewwel impenji ta’ din l-organizzazzjoni, ippreżentat lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia l-proposti tagħha biex jitħares il-wirt kulturali f’Malta.

L-organizzazzjoni tħoss li l-wirt kulturali f’Malta m’għandux vuċi u għalhekk appellat biex Sovritendenza tal-Wirt Kulturali għall-inqas ikollha l-istatus bħalma għandha l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Ipproponiet fost oħrajn li jitwaqqaf fond li minnu l-Gvern jirrestawra binjiet ta’ valur storiku u jerġa’ jpoġġihom fis-suq.

Dr Delia qal li jeħtieġ li nibnu soċjetà li jimpurtaha mill-kwalità tal-ħajja biex ma jbatux il-ġenerazzjonijiet li jmiss. Kompla jgħid li biex il-wirt f’Malta jitħares, irid ikun hemm qbil politiku wiesa’ u istituzzjonijiet b’saħħithom li ma jħallux lill-politiċi stess iwasslu għall-qerda tal-ambjent. Huwa appella biex ikun hemm pjani fit-tul u jieqaf l-iżvilupp bla rażan.