Qorti
AĠĠORNAT: Woods qal lill-Pulizija kif qatel lil Charlene Farrugia u qatta’ l-katavru

Quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia llum bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ John Paul Woods li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Charlene Farrugia u li ħeba l-katavru tagħha. Ir-raġel kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi u baqa’ miżmum arrestat il-ħabs fejn qed jiskonta sentenza fuq serq.

Il-fdalijiet tat-tfajla, li kienet ilha rrapportata nieqsa 12-il sena ilu, instabu s-sena l-oħra f’daħla f’sur fil-Belt taħt ir-riħ tal-lukanda Phoenicia.

Uffiċjal tas-CID jiddeskrivi d-dettalji makabri tal-qtil

L-Ispettur James Grech qal kif l-investigazzjoni bdiet 19 ta’ Lulju 2019, meta Woods kien arrestat fuq reat ieħor. Kien talab li jkellem Pulizija għax kien qal li qatel tfajla. John Paul Woods beda billi qal li xtaq jammetti li qatel lil tfajla jisimha Charlene jew Charmaine, li kellha xi 17-il sena u kienet Maltija. Woods stqarr li din t-tfajla kienet toqgħod mas-sieħeb tagħha f’San Pawl il-Baħar. Woods kien qal li qatel lit-tfajla b’daqqa ta’ sikkina u bil-ponta u fgaha billi żammilha ħalqha b’idejh.

F’Novembru tal-2008, Woods beda jirċievi lmenti mill-ġirien dwar riħa tinten fil-flat fejn seħħ id-delitt f’San Pawl il-Baħar. Woods iddeċieda li jqatta’ l-ġisem f’partijiet żgħar u poġġihom fi xkejjer. Woods kien stqarr li qatta’ l-parti tan-nofs tal-katavru tat-tfajla f’erba’ biċċiet, tefa’ ġo fihom taħlita ta’ siment, u r-ras u s-saqajn poġġiehom ġo xkora u ħbiehom il-Furjana. Woods qal li ġarr il-katavru bil-karozza tal-vittma stess.

Preżenti fl-awla Noemi Farrugia, oħt il-vittma, li xħin semgħet id-dettalji ta’ kif inqatlet oħtha nfaqgħet tolfoq.

Jaf hemm persuna oħra involuta fil-qtil ta’ Charlene Farrugia

L-Uffiċjal tas-CID qal li Woods semma’ lil Jesmond Cassar magħruf bħala ‘It-Tito’. Dan kien l-istess suspettat li kellha l-Pulizija fl-2008. Cassar kien is-sieħeb ta’ oħt Jonathan Attard, li kien is-sieħeb ta’ Charlene Farrugia.

Woods qal li t-Tito ħallieh waħdu wara li allagetament iż-żewġt irġiel kellhom argument. Woods qal lill-Pulizija li hemmhekk iddeċieda li jqatta’ l-ġisem ta’ Farrugia. Woods uża saqqu biex jgħatti l-katavru ta’ Farrugia.

F’Ottubru tal-2019, il-Pulizija kienu għamlu konfront bejn Woods u Tito. Woods kien implika lit-Tito fil-qtil ta’ Farrugia. It-Tito ħareġ bl-istess mistoqsijiet li kellha l-Pulizija dwar il-verżjonijiet ta’ Woods li kienu kunfliġġenti. Il-Pulizija ma sabitx provi li ‘It-Tito’ kien involut fil-qtil ta’ Farrugia.

L-aħħar stqarrija ta’ Woods saret fit-2 ta’ Lulju 2020. L-Uffiċjal tas-CID xehed li l-attitudni ta’ Woods kienet totalment differenti. L-Uffiċjal qal li kull darba li beda jagħmillu l-mistoqsijiet, Woods beda jibgħatu jixxejjer. Woods tressaq il-Qorti mixli bil-qtil ta’ Farrugia l-għada 3 ta’ Lulju.

Is-seduta ġiet aġġornata għal nhar l-Erbgħa, fejn huwa mistenni jixhed missier il-vittma.

Ara wkoll:

X’aktarx inqatlet b’mod makabru f’post ieħor minn fejn instabet

AĠĠORNAT: John Paul Woods iwieġeb mhux ħati li 12-il sena ilu qatel lil Charlene Farrugia u li ħeba l-katavru

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, baqa’ f’qagħda stabbli. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li Theuma għadu fit-taqsima tal-ENT fl-isptar Mater Dei. It-Tlieta 21 ta’ Lulju 2020, Theuma nstab…

COVID-19

L-organizzaturi tal-attivitajiet li jinqabdu jiksru r-regoli tal-miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex iwaqqfu l-imxija tal-Covid-19 jistgħu jeħlu multa ta’ €3,000 għal kull miżura li jiksru. Dan tħabbar illum f’avviż legali ppubblikat…

Lokali

Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru, ippreżentat total ta’ €8,000 f’donazzjonijiet li nġabru waqt l-ewwel edizzjoni ta’ ‘A Night at the Palace’, lill-għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-annimali. Waqt li…

Agrikultura

L-istaġun tal-ħsad tal-għeneb għall-għasir infetaħ mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo, fil-preżenza tal-produtturi tal-inbid Malti. Il-Ministru qal li l-inbid Malti huwa wieħed ta’ kwalità għax l-industrija aġġornat maż-żminijiet. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Agrikoltura Saviour…

Aktar