X’ jagħmel lill-Malti kuntent?

Il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-ġid tas-soċjetà se tkun qeda tibda eżerċizzju biex tanalizza l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna. Il-Kwalità tal-ħajja huwa fatt suġġettiv għaliex dak li jagħmel persuna kuntenta mhux neċessarjament l-istess għal persuna oħra. ‘Popolin’ stħarreġ x’jagħmel il-Maltin kuntenti u x’qed ixekkel il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna.

Stħarriġ riċenti wera li l-kwalità tal-ħajja fil-gżejjer Maltin mhijiex mill-aħjar. Bejn l-2015 u l-2017, Malta ġiet klassifikata mal-ewwel għaxar pajjiżi. Biss, f’dawn l-aħħar tliet snin il-livell tal-kwalità tal-ħajja f’Malta naqas. Din is-sena Malta klassifikat fil-41 post fost 64 pajjiż. Ir-raġunijiet ewlenin għalfejn inżilna fil-klassifika huma l-ambjent u t-trasport. Fil-fatt 40% tal-persuni li ħadu sehem qalu li l-kwalità tal-ambjent f’pajjiżna hija waħda fqira. 52% tennew li t-trasport Malti mhuwiex mill-aħjar. Meta analizzata l-ħajja diġitali, Malta ġiet klassifikata fit-42 post. Minn naħa l-oħra Malta ġiet fid-39 post fl-oqsma tas-saħħa u kumditajiet u t-33 post fejn għandha x’taqsam is-sigurtà. It-trasport u l-ivjaġġar wassal biex pajjiżna jiġi klassifikata fis-57 post. Fl-aħħar nett fejn tidħol kuntentizza Malta klassifikat fil-21 u it-18 il-post fil-qasam tad-divertiment.

Dr.Marie Brigulio spjegat ir-raġuni għalfejn hemm bżonn ta’ indiċi li jkejjel il-kwalità tal-ħajja f’Malta. Tenniet li ekonomikament din il-gżira hija fost l-aqwa fl-Ewropa, biss il-flus mhux kollox. Hemm ħafna iktar fatturi li jtejjbu l-kwalità tal-ħajja ta’ bniedem; “nafu li hemm inugwaljanzi, mhux biss fil-flus imma anke fis-saħħa, saħħa mentali, l-aċċess għall-ambjent sabiħ u nadif u anke fl-edukazzjoni”. Żiedet tgħid li ma nkunux korretti jekk inkejlu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin esklussivament b’indiċi bażat fuq il-flus fil-but jew il-GDP tal-pajjiż; “l-indiċi għandu jkun iktar wiesgħa biex jinkludi l-elementi kollha li jagħmlu ħajja ta’ kwalità”. Aktar minn hekk, wieħed irid jikkunsidra wkoll li ċertu familji b’finanzi limitati, il-kwalità tal-ħajja tagħhom hija bażata fuq il-flus, biss min hu finanzjarjament stabbli jfittex fatturi oħra fosthom il-kwalità tal-ambjent, l-isport u l-ħbieb.