Lokali
Xahar mill-mewt ta’ Miriam Pace: “Qed inbatu n-nuqqas tal-imħabba materna għar-regħba ta’ ħaddieħor”

Xahar eżatt minn meta Miriam Pace nqatlet f’darha stess, li ġġarfet f’sit ta’ kostruzzjoni li beda jiġi żviluppat ħdejha fil-Ħamrun, żewġha kiteb fuq Facebook li bħad-Duluri, il-familja għadha tbati t-telfa tal-imħabba materna tagħha għal gwadann u r-regħba ta’ ħaddieħor.

Dwar il-każ sitt persuni fosthom il-perit u l-kuntratturi jinsabu fuq police bail waqt li kumitat immexxi mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano għadu qed jeżamina l-qafas regolatorju fl-industrija tal-bini bil-għan li jagħmel proposti għal iktar titjib.

Bhal-lum xahar Malta waqfet u bkiet għall-mewta traġika ta’ Miriam Pace fil-Ħamrun.

Dakinhar il-ġar tagħha Ronnie Tonna kien rrakkontalna l-aħħar sentenza li Miriam x’aktarx kienet lissnet f’ħajjitha.

“Dik kull ma qaltli, l-aħħar kelma li smajt ħa nitla’ għax irrid inlesti l-ikel lil Charlie”

F’għeluq ix-xahar mit-traġedja, erġajna morna fiż-żona. Minbarra x-xemgħat mitfija u abbandunati u bukketti tal-fjuri nexfin, innutajna li l-kumplament tad-dar tal-familja Pace u x-showroom tal-karozzi m’għadhomx hemm.

Fl-akkwati, erġajna sibna lil Ronnie Tonna li qalilna kif f’dan ix-xahar il-ħajja nbidlet ta’ taħt fuq.

“Hey qisu ntesa’ kollox ħabba din il-problema li hawn tal-coronavirus”

Lejlet il-festa tad-Duluri, ir-raġel ta’ Miriam kiteb fuq il-media soċjali li għadda xahar mill-ħolma kerha li qed jgħix. Żied jgħid li jkun hemm mumenti li jibda jaħseb li din il-ġrajja ma ġrat qatt u li se jkun jistgħu jerġgħu jitgħannqu u jbusu lil xulxin. Iżda Charlie Pace kiteb li din hi biss xewqa li jaf ma tistax titwettaq. B’referenza għall-festa tad-Duluri, stqarr li hu u l-familja qed ibatu min-nuqqas ta’ Miriam fid-dar li tant stinkaw għaliha u li qed ibatu wkoll minħabba li m’għadx hemm l-imħabba materna u dan, kiteb Charlie Pace, għar-rebgħa ta’ ħaddieħor.

Fil-funeral ta’ Miriam Pace, l-Arċisqof Charles J. Scicluna kien qal li għal Miriam m’aħniex nitolbu vendetta iżda ġustizzja, kif stqarr magħna l-ġar tagħha stess.

“Kieku ssir ġustizzja aħjar hux, dana għaddew waħda, tnejn, tlieta, erbgħa u mal-ħames waħda ġara li ġara u tlifna mara tal-affari tagħha, mara kwieta, bħal ma’ kulħadd jaf fuqha.”

Minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji tal-Covid-19, il-proċess għall-ġustizzja jista’ jieħu aktar fit-tul. Għall-mistoqsijiet ta’ Television Malta, il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u sitt persuni – il-perit, is-site technical officer, żewġ kuntratturi u żewġ ħaddiema jinsabu bil-police bail. Huma kienu involuti fil-proġett ta’ kostruzzjoni eżatt qrib id-dar tal-familja Pace u mhux eskluż li jitressqu l-Qorti b’akkużi relatati ma’ qtil involontarju riżultat fost l-oħrajn ta’ traskuraġni.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar