Kronaka
X’aktarx inqatlet b’mod makabru f’post ieħor minn fejn instabet

Investigazzjonijiet preliminari li saru fuq l-għadam li nstabu moħbija f’daħla f’sur fil-Belt urew li dawn huma ta’ mara fl-età bejn l-għoxrin u t-tletin sena.

Fil-jiem li ġejjin se jsiru aktar eżamijiet mediċi u forensiċi, fosthom tad-DNA, biex tiġi stabbilita l-identità tal-persuna. Ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet huma kruċjali għall-investigazzjoni tal-Pulizija li qed iżżomm arrestat raġel, suspettat li qatel lil Charlene Farrugia, tfajla ta’ 25 sena, ħdax-il sena ilu.

Minn tagħrif li għandu Television Malta, il-Pulizija temmen li l-persuna ma nqatlitx fejn instabu l-fdalijiet, u d-delitt kien wieħed mill-aktar makabru. Il-Pulizija qed tkun kawta ħafna dwar meta se tressaq lir-raġel il-Qorti u tixlieh bid-delitt.

Il-Pulizija se tagħti ħafna piż lill-eżamijiet mediċi u forensiċi li qegħdin isiru mill-esperti nominati mill-Magistrat Audrey Demicoli, li qed tmexxi l-inkjesta dwar is-sejba ta’ fdalijiet ta’ katavru. Il-Pulizija tissuspetta li l-fdalijiet huma ta’ Charlene Farrugia, tfajla li ilha nieqsa ħdax-il sena. Dawn l-iżviluppi seħħew wara li raġel li kien fil-kustodja tal-Pulizija biex jiġi investigat dwar attentat ta’ hold-up, tkellem dwar l-għajbien tat-tfajla. Allegatament hu qal li kien qatilha u indika fejn kien hemm il-fdalijiet tagħha.

Is-Sibt, f’daħla fis-sur tal-Belt, fil-foss ta’ wara l-lukanda Phoenicia, uffiċjali mill-Iskwadra tal-Omiċidji tal-Pulizija u tal-forensika elevaw fdalijiet umani, fosthom ras u partijiet minn idejn u saqajn. Dawn ittieħdu fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei. Television Malta jinsab infurmat li mill-ewwel analiżi li saret ġie stabbilit li l- għadam hu ta’ mara fl-età bejn l-20 u t-30 sena.

Fil-jiem li ġejjin se jsir profil tad-DNA, li għandu jiddetermina jekk il-fdalijiet humiex ta’ Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena li kienet toqgħod San Pawl il-Baħar, u li ġiet rappurtata nieqsa fis-7 ta’ Novembru 2008. L-eżamijiet forensiċi qed isiru mit-Tabib Forensiku Mario Scerri u mit-Tabiba Marisa Cassar bħala esperta tad-DNA. Mhux eskluż li l-Pulizija jistennew ir-riżultati forensiċi u ċ-ċertezza dwar l-identità tal-persuna qabel ma jressqu lir-raġel il-Qorti u jixluh bil-qtil.

Charlene Farrugia kienet taħdem bħala carer fid-Dar tal-Providenza, u kienet toqgħod San Pawl il-Baħar, f’appartament li fl-aħħar sigħat inżamm mgħasses mill-Pulizija bħala parti mill-investigazzjonijiet u l-inkjesta. Television Malta jinsab infurmat li minn stqarrijiet li saru mis-suspettat bil-qtil, l-omiċidju twettaq b’mod mill-aktar makabru, u ma sarx fil-post fejn instabu l-fdalijiet. Hawnhekk serva bħala moħba għal dan il-femiċidju. Nifhmu li l-Pulizija qed tkompli tibni l-każ b’informazzjoni dwar l-aħħar movimenti tat-tfajla qabel din inqatlet.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn għada se tibda tiswijiet fis-sistema ta’ katusi f’qiegħ il-baħar li jintuża għar-rimi ta’ drenaġġ trattat mill-impjant ta’ Għawdex. Il-ħidma delikata li għandha tieħu madwar tliet ġimgħat…

Kronaka

Raġel ta’ 33 sena weġġa’ gravi f’inċident bil-mutur f’Birkirkara. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq il-Wied għall-ħabta tal-4.45pm. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li s-sewwieq, li jgħix il-Pietà, kien qed isuq…

Saħħa

F’Malta hawn madwar 7,000 persuna li għandhom id-demenzja, bl-istudji juru li l-għadd mistenni jiżdied għal mill-inqas 13,000 sal-2025. L-esperti jemmnu li din hija biss ix-xifer tal-istampa, minħabba li għadd ta’…

Stejjer Umani

Għalkemm il-Maltin ikunu qed jistennew is-sajf bil-ħerqa biex jaqtgħu xi ftit mir-rutina ta’ kuljum tax-xogħol, mhux l-istess jista’ jingħad għal Alfred Attard li ilu aktar minn 40 sena jiġbor il-melħ…

Aktar