Politika
“Ir-Repubblika ta’ Malta hija ferm akbar mill-klikka li ġabet l-għajb fuq pajjiżna” – il-President

F’għeluq il-45 sena mindu Malta saret Repubblika, il-President George Vella ffokka d-diskors tiegħu fuq dak li għaddej bħalissa fil-pajjiż u għamel bosta appelli. Qal li din mhiex siegħa faċli imma rridu ngħaddu minnha. Qal li kulħadd għandu jara li dan it-trapass iwassal biex l-ewwel u qabel kollox tinstab u toħroġ il-verità kollha. Saħaq li jrid ikun assigurat li kull min kien involut, kbir u żgħir, jerfa’ r-responsabilità tiegħu u jħallas ta’ għemilu. Appella biex il-poplu jibni flimkien dak li ġġarraf u jibni l-pajjiż mill-ġdid.

Il-President George Vella qal li ċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa skussjaw is-soċjetà Maltija u heżżew l-istituzzjonijiet. Ċirkostanzi li qal ħammġu isem il-pajjiż madwar id-dinja, u li qed ikollhom effett ħażin fuq il-kredibilità, fuq in-negozji, fuq l-investiment f’Malta u t-turiżmu.

Stqarr li jħossu mdejjaq, imweġġa’ u maħsud bis-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż. Qal li magħhom jaqsam l-ansjetà u l-inċertezza li qed iħossu, imma appella biex ma jitħallewx jisħnu l-irjus u biex kulħadd ikun moderat fl-imġiba tiegħu.

“Inżommu f’moħħna li r-Repubblika ta’ Malta hija ferm akbar minn din il-klikka li ġabet dan l-għajb fuq pajjiżna,” qal il-President.

Fid-diskors ta’ Jum ir-Repubblika, il-President qal li min wassalna f’din is-sitwazzjoni, kien min kien, ma kienx qiegħed jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti. Saħaq li dak li sar ma jista’ qatt jiġi ġġustifikat.

“Iridu ningħaqdu fit-tama li kull min għandu jerfa’ r-responsabilità ta’ għemilu jerfagħha u jieħu l-pieni li jġorr miegħu dan l-għemil. Hu min hu. Ikun min ikun.”

Il-President qal li l-Poplu Malti jistenna ġustizzja, iżda qal li jkun ħażin jekk inħallu s-sentimenti tagħna jinbidlu f’vendetta u mibegħda. Appella biex l-istituzzjonijiet investigattivi u ġudizzjarji jitħallew jagħmlu xogħolhom, bla ndħil, b’serenità u b’turija ta’ rispett lejn l-integrità, il-kompetenza u l-indipendenza tagħhom.

“Ejja ma niddejqux ningħaqdu biex filwaqt li nammettu li dak li seħħ fl-assassinju tal-ġurnalista s-sinjura Daphne Caruana Galizia kien att orribbli, flimkien naħilfu li nagħmlu minn kollox biex nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex att bħal dan qatt ma jerġa’ jseħħ.”

Il-President Vella appella biex jittieħdu l-miżuri leġislattivi u dawk ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex tkun żgurata l-libertà tal-istampa u l-mezzi ta’ kommunikazzjoni f’Malta. Appella wkoll lill-ġurnalisti kollha biex jirrealizzaw ir-responsabilitajiet kbar li jġorru f’soċjetà moderna u lill-poplu biex jagħmel użu aħjar mill-media soċjali, li qal b’lingwa dispreġjattiva u messaġġi kattivi, saret font ta’ firda.

“L-appell tiegħi jmur ukoll għall-Membri Parlamentari. Ftakru li d-dover tagħkom huwa l-ħarsien tal-libertajiet fundamentali tal-poplu li tirrappreżentaw, u tal-ħolqien tal-ġid.”

Il-President tenna l-appell għal aktar ton u fil-kontenut tad-dibattiti bejn il-Parlamentari. “Ejjew inroddu lura lill-Kamra tar-Rappreżentanti r-rispett li jixirqilha.”

F’appell lil-midja internazzjonali u lill-pajjiżi ħbieb ta’ Malta, il-President qal li ngħidu li jiddispjaċina għal dak li ġara mhux biżejjed. Huwa rringrazzja lill-pajjiżi kollha li għenu fl-investigazzjonijiet li kienu u għadhom meħtieġa dwar l-assassinju ta’ Daphne Cariana Galizia. Qal li ma’ dan il-każ mhux sewwa li titpinġa kerha Malta kollha.

Il-President qal li isem Malta ma jixraqlux jingħata aġġettivi derogattivi u jitniżżel fil-baxx. Saħaq fuq il-ħtieġa li l-pajjiż jibqa’ jġorr ir-rispett, fost oħrajn, għat-tajjeb kollu li għamel matul is-snin, u għall-kontribut enormi tiegħu għall-paċi fid-dinja.

Il-President qal li l-poplu għandu dritt li jesprimi fehemtu bil-libertajiet kollha li tagħtih il-Kostituzzjoni u aktar ma dan isir b’mod ċivili aktar ikun effettiv. Il-President tkellem dwar il-limitazzjoni fil-poteri tiegħu bħala President f’dawn iċ-ċirkostanzi li għaddej minnhom bħalissa l-pajjiż.

Segwi hawn id-diskors sħiħ tal-President Vella:

Ara wkoll:

Preżenza qawwija ta’ Pulizija fil-Belt qabel l-attivitajiet ta’ Jum ir-Repubblika