Barranin
Xaqq ta’ tama għall-immunità kontra l-Covid-19

Studju fl-Awstrija sab li l-immunità tal-komunità kontra l-virus tista’ tinkiseb qabel iż-żmien… filwaqt li fil-Brażil qed isir studju fuq 30,000 persuna biex jitfa’ dawl dwar jekk hux taħdem l-istrateġija tat-tilqim fil-pajjiż.

Xaqq ta’ tama għall-immunità kontra l-Covid-19. Fl-Awstrija xjentisti esprimew tama li d-dinja tista’ terġa’ lura għan-normal wara l-pandemija. Studju li sar fuq residenti li jgħixu f’villaġġ tal-iskiing popolari sab li sa mill-inqas tmien xhur wara li laqqtu l-virus, il-maġġoranza tan-nies baqgħu reżistenti għall-Covid. Ix-xjentisti argumentaw li b’miżuri li ma jagħmlux ħsara lill-ekonomija bħaż-żamma tad-distanza soċjali u li sa 45% tal-popolazzjoni tkun tlaqqmet kontra l-virus, il-ħajja tista’ tiġi lura għan-normal. L-istudju sab li l-immunità tal-komunità tista’ saħansitra tintlaħaq qabel iż-żmien. L-Università ta’ Innsbruck qalet li dan hu wieħed mill-ikbar studji li qatt saru dwar kemm tista’ ddum l-immunità fuq in-nies wara li mardu bil-virus.

Fil-Brażil għaddej studju fuq madwar 30,000 persuna li tlaqqmu għall-Covid-19. L-istudju qed isir fil-belt żgħira ta’ Serrana u hu maħsub biex jitfa’ taħt il-lenti s-saħħa tal-persuni li tlaqqmu għall-virus u biex il-Gvern ikollu idea iktar ċara ta’ kif għandu jqassam it-tilqima madwar il-pajjiż. Waqt li fil-Brażil b’kollox mietu 240,000 persuna bil-virus, fil-belt ta’ Manaus tfaċċa varjant ġdid tal-virus li skont ix-xjentisti qed iqajjem ħerba f’din il-belt.

Fil-Ġermanja hu maħsub li se jkunu estiżi lil hinn mit-3 ta’ Marzu l-kontroll fil-fruntieri bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija. Il-Gvern Ġermaniż qed jikkontempla din id-deċiżjoni minħabba li l-varjant il-ġdid tal-Covid-19 f’dawn il-pajjiżi għadu ma ġiex ikkontrollat. Ġie ċċarat iżda li dawn il-kontrolli daħlu fis-seħħ biex tkun imħarsa s-saħħa tan-nies. Hu stmat li l-Ħamis filgħodu saru 50,000 kontroll tal-fruntier b’madwar 10,000 karozza ntalbu jduru lura għax bdew jiksru r-regoli tal-ivvjaġġar marbuta mal-pandemija.